Sport Lokali
Rilaxxati aktar miżuri fl-isport lokali: “Mill-15 ta’ Lulju jistgħu jibdew il-kompetizzjonijiet”

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima ħabbar li mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju se jiġu rilaxxati aktar miżuri għal dak li jirrigwarda l-isport.

Dawn jinkludu r-ritorn għall-isport ‘indoor’ u l-possibilità li jsiru kompetizzjonijiet għad-dixxiplini sportivi kollha ‘no contact’ fejn dawn se jsiru mingħajr spettaturi.

Dan kollu fir-rispett tad-direttivi u l-linji gwida li se jinħarġu fil-jiem li ġejjin minn SportMalta bl-assistenza tad-Dipartiment tas-Saħħa u bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari.

Clifton Grima laqa’ b’sodisfazzjon ir-rilaxxament tal-miżuri li jikkonċernaw l-isport. Hu ħabbar li mill-1 ta’ Lulju se jkun jista’ jibda t-taħriġ komplut għad-dixxiplini sportivi meqjusin bħala ‘contact sport’ u eventwalment mill-15 ta’ Lulju jistgħu jibdew il-kompetizzjonijiet għall-istess dixxiplini fl-intier tagħhom.

Mistoqsi minn TVMSport fuq il-ftuħ tal-gyms u faċiltajiet oħra u jekk hux se jkun hemm protokolls u aktar linji gwida, is-Segretarju Parlamentari qal li dak kollu li jaqa’ taħt SportMalta se jerġa’ jiftaħ, inkluż il-gyms.

“Nifhem li hawn ħafna gyms privati. Ningħaqad mal-appell li għamlu l-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru li dawn il-gyms iridu jieħdu ħsieb l-iġjene. Dawn il-gyms iridu jieħdu ħsieb it-tindif regolari anki fuq il-makkinarji tagħhom. Il-magni jridu jitnaddfu minimu darba f’siegħa,” qal Dr Grima.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li l-Malta Racing Club ser tkun qed torganizza l-kampjonat tas-Sajf tat-tiġrijiet taż-żwiemel li se jkun magħmul minn 10 programmi li se jsiru bejn it-3 ta’ Lulju u l-14 ta’ Awwissu. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lil Kunsill u l-ħaddiema tal-Malta Racing Club għax-xogħol li wettqu fl-aħħar xhur.

Mistoqsi minn TVMSport dwar il-preżenza tal-pubbliku u l-partitarji għall-attivitajiet sportivi, Grima rrisponda:

“Bħalissa se nkunu qed inħarsu lejn kompetizzjonijiet biss. F’din ir-realtà li qed ngħixu fiha għalissa, ma nistgħux ikollna aktar minn 75 persuna għal kull attività. Ma neskludix li din tiġi riveduta u rilaxxata fix-xhur li ġejjin bħalma ġew rilaxxati miżuri oħra,” qal Grima.

Is-Segretarju Parlamentari Grima rringrazzja lill-Prim Ministru u l-Awtoritajiet tas-Saħħa għat-tmexxija għaqlija tagħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli li wasslet biex il-pajjiż ħiereġ minnhom b’suċċess.

Huwa sostna li mill-bidu ta’ dan il-perjodu diffiċli saru diversi laqgħat mal-awtortitajiet u l-għaqdiet sportivi kkonċernati sabiex jitfassal pjan ħalli bil-mod l-isport, bħal kull attività soċjali oħra, jerġa’ jiġi għan-normal.

“Dan il-gvern dejjem wera bil-fatti li l-isport jokkupa post importanti fl-aġenda nazzjonali u l-miżuri li qed jitħabbru llum huma pass ċar lejn ritorn għal forma ta’ normalità għall-isport Malti u Għawdxi,” qal is-Segretarju Parlamentari Grima.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa tkellem ukoll Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta u Edwin Borg, Chairman tal-Malta Racing Club.

Cutajar qal li saret ħidma kbira u fis-silenzju bejn SportMalta u s-Segretarjat tal-Isport li waslet biex tnehdew linji gwida biex ikunu jista’ jittieħed il-pass li jmiss ta’ aktar rilaxxament ta’ ristrezzjonijiet.

Borg irringrazzja lil Grima u lill-Gvern Malti talli fehmu l-karba tal-isport Malti kollu, speċjalment ta’ dawk dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel li issa se jkunu jistgħu jgawdu l-kampjonat tas-sajf b’mod sħiħ.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Badminton

Iċ-Ċiniż Lin Dan, wieħed mill-aqwa plejers fl-Istorja ta’ dan l-isport, ħabbar li rtira mill-karriera tiegħu. Lin Dan rebaħ żewġ Midalji Olimpiċi fl-isport tal-badminton għaċ-Ċina. Super Dan, hekk kif inhu magħruf…

Żwiemel

Iż-żiemel Serpentine kellu wrja eċċellenti biex rebaħ it-tiġrija Epsom Derby u b’hekk, it-trainer Aidan O’Brien sar l-aktar trainer ta’ suċċess fl-Istorja tat-tlielaq taż-żwiemel tal-galopp. Serpentine kien kwotat 25 għal waħda…

Ċikliżmu

L-ex rebbieħ tal-Giro D’Italia Nairo Quintana qal li ma ġralu xejn u ma weġġgħax serjament f’inċident li kien involut fih meta karozza baqgħet dieħla fuqu waqt li kien għaddej bit-taħriġ…

Table Football

Valletta Subbuteo Club komplew jissaħħu għall-istaġun li ġej, wara l-akkwist tal-Belġjan Christophe Dheur, issa kien imiss ir-ritorn ta’ Joseph Mifsud. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Joseph Mifsud iffirma ma’ Valletta…

Aktar