Futbol lokali
Rimonta Maltija taċċerta punt kontra l-Bożnja

LOGĦOB TA’ KWALIFIKAZZJONI GĦAT-TAZZA TAD-DINJA TAN-NISA 2023 – GRUPP E

Malta………..2

Bosnia………2

Wirja tajba fit-tieni taqsima aċċertat lil Malta minn dro prestiġġjuż ta’ 2-2 kontra l-Bożnja.

Kienet wirja qalbenija min-nisa Maltin li wara l-ħasda doppja tal-ewwel taqsima, tjiebu ferm fit-tieni 45 minuta tant li naqqsu l-marġni tal-iskor u saħansitra ġabu l-iskor indaqs.

Kif mistenni, il-Bożnja ħarġu mal-ewwel fuq l-attakk u marru fil-vantaġġ fis-sitt minuta meta Milena Nikolic għelbet lill-gowlkiper Patricia Ebejer mill-viċin.

Il-Bożnjaċi baqgħu jikkontrollaw u rduppjaw l-iskor fit-33 minuta meta kienet Maja Jelcic li skorjat b’xutt fil-baxx.

Lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima, Malta resqet darbtejn lejn il-lasti Bożnjaċi l-ewwel fid-39 minuta permezz ta’ Rachel Cuschieri li wara kross mil-lemin ta’ Alishia Sultana, rat it-tentattiv tagħha milqugħ minn Haracic. L-istess gowlkiper kienet tajba biex tilqa’ frikik ċentrali ta’ Dorianne Theuma fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima.

Malta fetħet tajjeb it-tieni taqsima meta Maria Farrugia xxuttjat tajjeb minn barra l-kaxxa b’Haracic tilqa’ tajjeb.

Fil-55 minuta, il-keeper Maltija Ebejer laqgħet tajjeb xutt tajjeb ta’ Krso.

Fit-58 minuta, il-Bożnjaċi laqtu l-lasta permezz ta’ xutt b’saħħtu ta’ Milena Nikolic.

Għaxar minuti wara, ċans verament tajjeb għal Malta meta xutt ta’ Dorianne Theuma ra l-aħjar mill-gowlkiper Haracic.

Malta naqqsu l-marġni tal-iskor fit-80 minuta b’gowl verament sabiħ ta’ Maria Farrugia li wara li avvanzat tajjeb, irranġat il-ballun u fajret xutt mill-isbaħ li ħasad lil Haracic.

U fil-ħin mogħti żejjed mir-referi, Malta ġabu l-iskor indaqs meta wara azzjoni ta’ korner, kienet Stefania Farrugia li kompliet għal ġewwa fost il-ferħ tal-plejers, diriġenti u partitarji Maltin.

Malta: Patricia Ebejer, Emma Lipman, Stefania Farrugia, Dorianne Theuma, Rachel Cuschieri, Alishia Sultana, Maria Farrugia, Shona Zammit, Charlene Zammit, Brenda Borg, Nicole Sciberras.

Bosnia: Dijana Haracic, Nikolina Dijakovic, Melisa Hasanbegovic, Dula Velagic, Dajana Spasojevic, Marija Ana Milinkovic, Milena Nikolic, Selma Kapetanovic, Merjema Medic, Amela Krso, Maja Jeicic.

Referi: Lina Lehtovaara

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'