Rio 2016 – it-22 minn 44 tiratur għal Eleanor Bezzina.. l-kummenti tal-għawwiema Maltin

KITBA – Rodney Vassallo u Sandro Micallef

Olimpjadi_Rio 2014

It-tiratur Eleanor Bezzina kienet l-ewwel atleta Maltija fl-azzjoni f’dawn l-Olimpjadi f’Rio l-Brażil.

Fil-kwalifikazzjoni tat-Ten Meter Air Pistol il-Ħadd wara nofsinhar, il-Maltija kisbet it-tnejn u għoxrin post minn erbgħa u erbgħin tiratur.

Eleanor ġabet total ta’ tliet mija disgħa u sebgħin punt, f’kompetizzjoni li fiha kkwalifikaw l-ewwel tmien tiraturi.

Il-kompetizzjoni ntrebħet mir-Russa Vitalina Batsarashkina b’total ta’ tliet mija u disgħin punt.

Eleanor Bezzina issa terġa tkun fl-azzjoni nhar it-Tlieta din id-darba fit-twenty five metre pistol, biex fl-istess ġurnata jidħlu fl-azzjoni l-atleti Maltin fl-għawm, bil-heat għal Andrew Chetcuti fil-mitt metru freestyle, liema heat tibda fis-sitta ta’ filgħaxija, ħin ta’ Malta.

F’kummenti ma’ TVM Sport fl-aħħar siegħat l-għawwiem Andrew Chetcuti li fiċ-ċerimonja tal-ftuħ ġarr il-bandiera Maltija, qal li jinsab kuntent bit-taħriġ tiegħu din is-sena u jinsab preparat għal dawn il-logħob.

KKompla jgħid li f’Londra erba snin ilu kellu l-ewwel esperjenza Olimpika u jemmen li tgħallem ħafna minnha.

Tkellem magħna ukoll dwar il-kowċ il-ġdid Andy Robins li miegħu trenja bla waqfien fl-Istati Uniti, waqt li qed jittama li jikseb ħin aħjar mill-personal best tiegħu ta’ ħamsin punt disgħa sekondi.

Min-naħa tagħha Nikola Muscat qalet li tinsab eċċitata u onorata li qed tirrapreżenta lil Malta f’manifestazzjoni kbira bħal m’huma l-Olimpjadi.

Qalet li tinsab lesta hekk kif ilha tipprepara minn wara l-aħħar edizzjoni f’Londra, madankollu fl-aħħar xhur Nicola intensifikat it-taħriġ tagħha billi kienet parti minn team Irlandiż titħarreg fil-kapitali Dublin.

Il-mira personali ta’ Nikola Muscat hija li tkun aktar veloċi u li tikser rekord Nazzjonali ġdid.

Miktub minn...
Rodney Vassallo