Rio 2016: Charlotte Wingfield, Nicola Muscat u Kyle Micallef fl-azzjoni għada

RAPPORT SANDRO MICALLEF

Għada l-Ġimgħa hi l-ġurnata li fiha pajjiżna se jkollu tliet atleti Maltin jikkompetu fi tliet dixxiplini u f’ħinijiet differenti.

Dawn se jkunu Charlotte Wingfield, Kyle Micallef u Nicola Muscat li se jieħdu sehem fl-Atletika, fil-Weighlifting u fl-Għawm rispettivament.

Charlotte Wingfield għandha personal best li bih tista’ tikkwalifika għall-Heats hekk kif hi l-ewwel trid tiġri fil-Preliminari.

Erba’ snin ilu Diane Borg kien irnexxielha tagħmel dan meta kkwalifikat b’ħin tajjeb mill-preliminari u ġriet fil-Heats tal-100 metru f’Londra.

Intant fost il-kontinġent Malti hemm stennija wkoll u aspettativa partikolari għall-kompetizzjonijiet tal-Ġimgħa wara d-diżappunt ta’ William Chetcuti. Il-Kumitat Olimpiku Malti talab personal best u anke possibilment li jinkiser rekord nazzjonali kemm lil Wingfield, lil Muscat u anke lil Micallef.

Nicola Muscat li se tgħum fil-50 M freestyle tista’ tagħmel dan bħal Wingfield hekk kif dan l-istaġun kien wieħed ferm pożittiv għal dawn iż-żewġ atleti.

Min naħa tiegħu Kyle Micallef se jikteb paġna ġdida fl-istorja Olimpika Maltija hekk kif se jkun l-ewwel atleta Malti li qatt ipparteċipa fil-kompetizzjoni tal-Weightlifing, u allura se jkun qed jerfa’ bla pressjoni ta’ xejn fil-kategorija tal-85 kilogrammi.

Fil-filmati qed taraw lil Kyle Micallef jitħarreġ jumejn ilu f’Rio taħt il-gwida tal-coach tiegħu u President tal-MWA Jesmond Caruana.

Il-Programm li fadal tal-atleti Maltin:

Il-Ġimgħa 12 t’Awwissu

Kyle Micallef (Weightlifting) 85KG Group B, Ħin: 10am (3pm ħin f’Malta)

Charlotte Wingfield (Atletika) 100M Preliminari, Ħin: 11.55am (4.55pm ħin f’Malta)

Nicola Muscat (Għawm) 50M Freestyle, Ħin: 1.02pm (6.02pm ħin f’Malta)

Charlotte Wingfield (Atletika) 100M Round 1, Ħin: 10.40pm (3.40pm ħin f’Malta)

Is-Sibt 13 t’Awwissu

Luke Bezzina (Atletika) 100M Preliminari, Ħin 9.52am (2.52pm ħin f’Malta)

Miktub minn...
TVM Sport
.