Tazza tad-Dinja 2018
Road Show interattiv u oriġinali waqt it-Tazza tad-Dinja Russja 2018

It-Tazza tad-Dinja tal-FIFA Russja 2018 tinsab 13 -il ġurnata ‘l bogħod mill-ftuħ uffiċjali eżattament fl-14 ta’ Ġunju.

Il-Public Broadcasting Services se jerġa’ jkun qed ixandar b’mod dirett u esklussiv il-logħbiet kollha tal-edizzjoni ta’ din is-sena jiġifieri xejn inqas minn 64 logħba. Dawn il-logħbiet kollha se jixxandru diretti bil-kummentarju bl-ingliż u permezz ta’ High Definition bi stampa u awdjo tal-ogħla kwalita’.

Għal din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja TVM Sport se jkun qed ixandar programm kuljum li se jkun qed idur madwar il-logħbiet kollha minn kmieni waranofsinhar sabiex iżomm lid-dilettanti tal-football internazzjonali aġġornati bir-riżultati, aħbarijiet, analiżi kif ukoll affarijiet oħra relatati mal-akbar avveniment tal-isport li jsir kull erba’ snin.

Sabiex jikkumplimenta dan ix-xahar ta’ football mit-Tazza tad-Dinja il-PBS se jkun qed itella’ wkoll ‘Road Show’ li se jżur diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex li fiħ il-pubbliku ġenerali qed ikun mitlub jipparteċipa, jikkumenta u jikkompeti f’diversi kompetizzjonijiet li se jkunu organizzati minn ġurnata għall-oħra.

Ir-Road Show ta’ Television Malta se jkun immexxi minn Dan u San li se jkunu qed janimaw l-avveniment ta’ kuljum u jagħmlu kollegamenti diretti fuq TVM2 matul il-programm Tazza Tad-Dinja FIFA 2018 li se jkun ippreżentat minn Mark Attard bil-kontribuzzjoni ta’ diversi ġurnalisti, opinjonisti u kummentaturi tekniċi ta’ TVM Sport.

Fost il-lokalitajiet li diġa’ huma kkonfermati li se jospitaw wieħed minn dawn ir-Road Shows hemm Marsascala, Ħaż-Żabbar, il-Ħamrun, il-Belt Valletta fis-Suq l-Antik, il-Qawra, il-Gżira, l-Imsida, il-Mosta, Bormla, in-Nadur Għawdex, in-Naxxar, u Raħal Gdid.

Għal aktar informazzjoni dwar ir-Road show u l-programmi madwar it-Tazza tad-Dinja Russja 2018 wieħed jista’ jagħmel kuntatt mad-dipartiment Sport tal-PBS fuq l-email [email protected]

Miktub minn...
TVMSports
Aħbarijiet Oħra
Aktar