Futbol internazzjonali
Robert Lewandowski jirċievi ż-Żarbun tad-Deheb wara l-41 gowl tal-istaġun li għadda

L-attakkant ta’ Bayern Munich, il-Pollakk Robert Lewandowski rċieva ż-“Żarbun tad-Deheb Ewropew” wara li sar l-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-kontinent fl-istaġun li għadda.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-unur seħħet fi Munich, il-Ġermanja, bil-President ta’ Bayern Herbert Hainer jgħid li ftit kienu dawk li jemmnu li r-rekord ta’ Gerd Mueller seta’ qatt jiġi megħlub. Mueller kien skorja 40 gowl fi staġun wieħed, tragward li l-ebda plejer ieħor ma rnexxielu jikser f’kull kampjonat madwar l-Ewropa matul is-snin. Kien biss il-Pollakk Lewandowski li fl-istaġun 2020/21 irnexxielu jiskorja 41 gowl ma’ Bayern Munich u b’hekk ħa r-rekord f’idu.

L-unur taż-Żarbun tad-Deheb Ewropew ilu jingħata sa mill-1968 għall-aqwa skorer fil-kontinent matul staġun. L-unur jingħata mill-midja sportiva Ewropea, u fil-passat intrebaħ minn plejers bħal Lionel Messi, Cristiano Ronaldo u Francesco Totti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA