Motorsport
Ruben Galea maħtur fil-kariga ta’ Teżorier tal-Malta Motorsport Federation

Il-Malta Motorsport Federation (MMF) organizzat Laqgħa Ġenerali Straordinarja fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju biex jimtlew il-karigi li kienu battala ta’ Teżorier u Viċi-Segretarju. Matul l-EGM, għadd ta’ emendi għall-istatut tal-MMF ġew ippreżentati għall-konsiderazzjoni tal-membri.

Tonio Cini, President tal-Federazzjoni, aġġorna lill-membri bil-ħidma u l-inċentivi meħuda mill-Federazzjoni bħala parti mill-kontinġenzi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi mill-membri, li ċertament, hija l-akbar sfida li l-Malta Motorsport Federation u l-membri qed ffaċċjaw din is-sena. Fost affarijiet oħra s-Sur Cini ta wkoll ħarsa ġenerali rigward il-progress tal-ewwel fażi tal-programm ta’ żvilupp għal sewwieqa żgħażagħ bl-appoġġ tal-FIA, u l-kompetizzjoni Gran Turismo bil-kollaborazzjoni ma’ World Pro Racing, li saru online.

Pierre Sammut, it-Teżorier uxxenti mill-Federazzjoni qara r-rapport finanzjarju u semma xi wħud mill-proġetti li qed isiru bħalissa u l-pjanijiet u l-miri li l-Federazzjoni għamlet għall-2020/21. Ir-rapport finanzjarju awditjat ġie approvat mill-klabbs membri kollha preżenti għall-Laqgħa Ġenerali Straordinarja.

Il-laqgħa mbagħad imxiet biex tikkunsidra numru ta’ emendi għall-istatut tal-MMF li jittrattaw ir-rwol tad-Delegati u Uffiċjali Sportivi, votazzjoni fil-laqgħat ġenerali u rwoli onorarji. Il-membri approvaw l-emendi proposti.

Fi tmiem il-laqgħa Ruben Galea ġie elett bħala Teżorier u Dr Wayne Pisani ġie elett Viċi Segretarju tal-Malta Motorsport Federation b’mod unanimu mill-membri.

Il-Kunsill Amministrattiv tal-MMF għall-2020 huwa magħmul mis-Sur Tonio Cini, President; is-Sur Jesmond Mangion, Viċi President; is-Sinjura Susanne Fenech, Segretarja Ġenerali; is-Sur Ruben Galea, Teżorier u Dr Wayne Pisani, Viċi Segretarju.

 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.