Futbol lokali
Rudger Scerri sospiż minn Attard FC u l-MFA wara li fil-Qorti ammetta li rranġa xi logħob

Il-membru tal-kumitat t’Attard Football Club Rudger Scerri ġie sospiż b’effett immedjat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol wara li fil-Qorti ammetta li rranġa xi logħob.

Id-Dipartiment tal-Integrità tal-MFA ser jitkellem mal-pulizija dwar il-każ fid-dawl li jistgħu jittieħdu aktar azzjonijiet dixxiplinari skont ir-regolamenti tal-Assoċjazzjoni.

Fi stqarrija maħruġa mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo, filwaqt li qal li jinsab sodisfatt biex xogħol li sar mill-Pulizija, ma setax ma jesprimix id-diżappunt tiegħu li Scerri rċieva biss sentenza sospiża u multa. Il-President Vassallo qal li s-sentenza mogħtija ma tippremjax l-isforzi li qegħdin isiru mill-Assoċjazzjoni u filwaqt li kkonferma li ma jaqbilx mas-sentenza mogħtija, irriafferma li l-MFA ser tibqa’ tagħmel dak kollu possibbli biex teqred dawn l-abbużi li jtappnu l-logħba tal-futbol.

Fi stqarrija oħra, il-kumitat t’Attard Football Club ħa d-deċiżjoni unanima li jneħħi lil Rudger Scerri minn membru tal-kumitat b’effett immedjat. Il-kumitat għamilha ċara li qiegħed jiddisassoċja ruħu mis-Sur Scerri fil-kapaċità tiegħu. Il-klabb ikkonferma li qiegħed jikkopera mal-awtoritajiet u mal-MFA dwar dan il-każ.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA