Rugby
Rugby – L-Arġentina tikteb l-istorja bl-ewwel rebħa fuq New Zealand

Għall-ewwel darba fl-istorja tar-Rugby, l-Arġentina rebħet lil New Zealand, rebħa li ħalliet il-kontinġent kollu Arġentin bid-dmugħ f’għajnejh. Il-kowċ tat-tim nazzjonali Arġentin Mario Ledesma qal li l-emozzjoni kienet parti integrali mit-tim, u għenithom sabiex joħorġu rebbieħa 25-15 kontra l-All Blacks.

F’Sydney, l-Awstralja, il-Pumas kienu aħjar mill-avversarji, tant li rnexxilhom iwettqu sorpriża, li iżda ma niżlitx tajjeb ma’ kulħadd. Kummentatur minn New Zealand li kien qiegħed isegwi l-logħba, ikkummenta li l-isportivi jridu jkunu aktar sodi u mhux joqgħodu jibku għax jirbħu, u dan wara li ra l-kontinġent Arġentin bid-dmugħ b’din l-ewwel rebħa fuq l-All Blacks. Il-kummentatur qal li qed naraw wisq sportivi jibku, u alluda għal Dustin Johnson li għadu kif rebaħ il-Golf Masters u Lewis Hamilton li rebaħ kampjonat ieħor fil-Formula 1.

Il-kowċ tal-Arġentina, Ledesma, qal: “Kultant l-emozzjonijiet diffiċli beix tikkontrollahom, speċjalment meta tkun għaddejt minn ċertu episodji. Jiddispjaċini jekk għal xi raġuni jew oħra kien irrabjat, imma nemmen li l-emozzjonijiet huma xi ħaġa pożittiva – u messu jippruvahom ukoll.”

Il-kowċ Arġentin qal li t-tim kellu mumenti diffiċli ħafna matul il-pandemija, u ddeskrivha x-xhur qabel il-logħba kontra New Zealand bħala ‘infern.’ Il-plejers Arġentini baqgħu jitħarrġu fi djarhom meta l-pajjiż kien f’lockdown, imbagħad meta ngħaqdu flimkien għat-taħriġ kellhom jieqfu minħabba li kien hemm diversi każijiet tal-Covid-19 fost il-plejers. Barra minn hekk, malli waslu l-Awstralja, il-plejers kellhom joqgħodu ħmistax-il ġurnata kwarantina.

Wara r-rebħa kontra New Zealand, l-Arġentina għandha logħba iebsa kontra l-Awstralja li ser tintlagħab fil-Hunter Stadium.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA