Rugby
Rugby, Tazza tad-Dinja: Jitħassru żewġ partiti minħabba alert ta’ maltempata kbira…l-Italja eliminata

L-organizzaturi tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby kienu sfurzati jħassru ż-żewġ partiti li kellhom jintlagħbu għada minħabba li t-tifun Hagibis mistenni jolqot iż-żona fejn suppost kellhom isiru l-logħbiet. Konsegwenza ta’ dan, il-gruppi kollha ser jibqgħu bil-logħbiet li ntlagħbu issa u allura mhux kulħadd ser ikun lagħab il-logħob kollu fil-grupp. Għalkemm għal timijiet bħalma huma Franza u l-Ingilterra din id-deċiżjoni m’affettwathomx, għaliex it-tnejn diġa’ għaddew għall-kwartifinali, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Italja, li minħabba f’hekk spiċċaw eliminati.

L-Italja kien fadlilhom logħba waħda kontra New Zealand, u għalkemm ċertament kienet ser tkun logħba diffiċli, xorta waħda kienu għadhom b’ċans żgħir li jikkwalifikaw. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby li xi logħbiet ġew ikkanċellati.

Illum, fil-12:15 (ħin ta’ Malta) ser tintlagħab l-aħħar logħba mill-fażi tal-gruppi bejn l-Awstralja u l-Ġorġja, qabel mat-tifun Hagibis jolqot iż-żona fejn qed titella’ din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Fl-aħħar sigħat it-tifun laqat il-belt ta’ Chichijima u kien miexi fid-direzzjoni ċentrali biex jolqot il-qalba tal-Ġappun.

Miktub minn...
TVM Sport