Olimpijadi TOKYO 2020
Ryan Murphy jinsinwa li l-finali tal-200m backstroke ‘ma kenitx nadifa’

L-għawwiem Amerikan Ryan Murphy insinwa li l-final tal-200m backstroke jista’ jkun li ‘ma kenitx nadifa.’ Murphy kien qed jiddefendi l-midalja tad-deheb li rebaħ f’Rio ħames snin ilu, biss did-darba spiċċa fit-tieni post wara r-Russu Evgeny Rylov.

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti jekk kienx qed jakkuża lil xi ħadd mill-avversarji tiegħu b’qerq, Murphy qal li huwa frustranti li mistoqsija simili ma tistax tweġibha 100%. Qal li mistoqsija bħal dik ma jistax iweġibha, imma qas jista’ jkun ċert li l-kompetizzjoni kienet 100% korretta minħabba affarijiet li seħħew fil-passat.

Ryan Murphy kien qed jalludi għad-diversi drabi li r-Russja nstabet ħatja mill-WADA dwar akkużi ta’ doping u li saħansitra f’din l-edizzjoni tal-Olimpjadi, la l-bandiera Russa u lanqas l-innu nazzjonali Russu mhuma preżenti. Fil-fatt, l-atleti Russi qed jikkompetu taħt il-bandiera tal-Kumitat Olimpiku Russu.

F’Tokjo, Evgeny Rylov rebaħ il-100m u l-200m biex ħa l-midalji tad-deheb li kien rebaħ Murphy f’Rio fl-2016. Aktar minn hekk, il-Ġimgħa rnexxielu jwaqqaf rekord ġdid fil-200m backstroke.

Rylov, li kien bilqiegħda maġenb Murphy waqt li l-Amerikan għadda l-kumment, qal li lanqas jaf kif ser jirreaġixxi għaliex hu dejjem issapportja sport nadif u kienu jsirlu testijiet tad-doping regolari.

L-Iżvizzeru Jeremy Desplanches, li temm fit-tielet post u rebaħ il-bronż, qal li ma kellux inkwiet dwar kif marret it-tellieqa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA