Waterpolo
Plejers ta’ San Ġiljan ASC pożittivi għall-COVID-19, suspetti li attendew l-istess attivita’ soċjali. Kelliem għal Club ċaħad li l-każi ħarġu minn hemm

Xejn inqas minn ħames plejers tal-waterpolo tat-tim ta’ San Ġiljan jinsabu fi kwarantina wara li fil-jiem li għaddew iriżultaw pożittivi għall-COVID-19.

TVM Sport jinsab infurmat li l-ASA kellha tħassar l-ewwel l-logħba ta’ San Ġiljan tal-Enemend Cup appuntu minħabba li l-Ġiljaniżi ma’ kellhomx biżejjed plejers biex jonoraw il-fixture.

Kollox qed jindika li xi plejers attendew attivita’ soċjali b’forma ta’ festin f’għeluq snin wieħed mill-plejers tat-tim li hu wkoll plejer tat-tim Nazzjonali Malti.

Għall-festin li sar il-ġimgħa l-oħra kien hemm preżenti wkoll minn tal-inqas persuna waħda li hu membru tal-kumitat tal-Club u diversi mistiedna oħra fosthom il-partners tal-plejers stess. Mhux il-plejers kollha attendew dan il-festin u mhux il-każ li l-plejers ġew infettati kollha f’din iċ-ċirkostanza.

TVM Sport għandu aktar informazzjoni dwar dan il-każ inkluż fejn sar il-festin u l-ismijiet tal-plejers bil-COVID-19 iżda biex tkun rispettata l-privatezza tal-individwi mhux se jagħti iktar dettalji.

L-ASA qed issegwi mill-viċin l-iżvilupp ta’ dan il-każ hu se tkun qed tara li l-ewwel logħba ta’ San Ġiljan tal-Enemed Cup tintlagħab wara li San Ġiljan jirritornaw għat-taħriġ li bħalissa jinsab sospiż.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.