Waterpolo
San Ġiljan jirbħu n-Knockout kontra r-rivali eterni Neptunes

Finali tan-Knockout – Kampjonat BOV Premier

San Ġiljan Mercury Towers  11-10  Neptunes WPSC

Il-finali bejn ir-rivali eterni fil-waterpolo marret favur San Ġiljan wara li gowl wieħed kien id-differenza fir-rebħa fuq Neptunes.

Il-Ġiljaniżi fetħu tajjeb fl-ewwel sessjoni meta rebħuha 3-1, imma Neptunes irkupraw fit-tieni sessjoni u rebħuha 5-3, biex b’hekk għamlu l-iskor indaqs 6-6. It-tielet sessjoni kienet mirbuħa minn San Ġiljan b’differenza ta’ gowl, 3-2, filwaqt li r-raba’ u l-aħħar sessjoni ntemmet fi draw ta’ 2-2.

Għal San Ġiljan, Ben Plumpton u Dino Zammit skurjaw 4 gowls kull wieħed biex b’hekk bejniethom skurjaw tmien gowls mill-11 tal-Ġiljaniżi. Fuq in-naħa l-oħra, Steven Camilleri kien l-aqwa skorer ta’ Neptunes b’4 gowls, filwaqt li Jake Muscat skorja tlieta.

Il-logħba kienet ikkontrollata minn Massimo Angilleri u Alessandro Severo.

Fi tmiem il-finali, Anthony Scicluna f’isem il-Bank of Valletta u Karl Galea, f’isem l-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ppreżentaw il-midalji u t-trofew lil San Ġiljan.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA