Futbol lokali
Santa Lucia jdawwru telfa f’rebħa

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Santa Lucia……….3

Lija A……………….2

Santa Lucia dawru telfa f’rebħa fejn minkejja li kienu żewġ gowls minn taħt u bi player anqas is-Saints qalbu r-riżultat favur tagħhom. Santa Lucia kienu ġejjin minn telfa stretta kontra Mosta filwaqt li  għal Lija din kienet il-ħames telfa konsekuttiva.

Wara biss tlett minuti logħob Lija fetħu l-iskor. Kienet azzjoni personali ta’ Erjon Beu li wara li avvanza b’xutt angolat għar-rokna għeleb lil Farrugia.  Ftit tal-mumenti wara Lija kellhom gowl imħassar hekk kif Perez sab ix-xibka iżda ġie aġġudikat li mess il-ballun b’idu. Fis-27 minuta Lija żiedu l-vantaġġ fejn kien għal darb’oħra Erjon Beu li bi free kick perfett minn tarf il-kaxxa sab ir-rokna tax-xibka. Daqqa ta’ ħarta għal Santa Lucia fil-31 minuta wara li tkeċċa Zerafa għal fowl fuq Verano. Lija komplew jinsistu fuq l-offensiva fejn għaxar minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Beu sab lil Flores iżda x-xutt ta’ dan tal-aħħar kien salvat mill-gowlkeeper avversarju. Biex fid-39 minuta waslet l-ewwel azzjoni tat-taqsima minn Santa Lucia meta Magri Overend tefa’ cross minn fuq il-lemin lejn Da Silva iżda x-xutt tal-attakkant Brażiljan ġie mblukkat minn Scerri.

Santa Lucia bdew it-tieni taqsima fuq l-offensiva u wara biss tlett minuti sabu x-xibka meta ballun fit-tul mid-difiża sab lil Kevin Ante Rosero li wara li dar ma’ Muscat spara fix-xibka. Biex fil-50 minuta xutt fil-baxx ta’ Da Silva għadda jħakkek mal-wieqfa.

Sittax -il minuta mit-tmiem Santa Lucia kisbu l-gowl tad-draw meta kien Prestes li qassam fil-kaxxa lejn Timothy Tabone Desira u dan mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka. Biex tmiem drammatiku għal-logħba hekk kif fil-ħin mogħti żejjed minn azzjoni ta’ corner kien Rodrgues Prates li mill-viċin tefa’ ġewwa għall-gowl tar-rebħa għas-Saints.

Riżultat finali:  Santa Lucia 3 Lija A. 2

BOV Player tal-Logħba:  Erjon Beu (Lija A.)

Referee:  Stefan Pace

Formazzjonijiet:- Santa Lucia : C. Farrugia, T. Tabone Desira, J. Prates Rodrigues, K. Correia, A. Magri Overend (A. Vella 70’), A. Da Silva Souza, K. Ante Rosero, V. Prestes Filho, J. Zerafa, R. Tachikawa, K. Xuereb (L. Wallace 46’)  

Lija A.: L. Bonnici, C. Cassar, P. Soares Gusso, L.Muscat, D. Scerri, E. Beu, H.Wood, M. Perez Jimenez (R.Darmanin 83’), J. Cruz Gill , G. Virano, C. Flores (C.Giordimaina 61’)

Miktub minn...
TVM Sport
.