Għawm
Sasha Gatt tirbaħ l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju

L-għawwiema ta’ Sirens ASC Sasha Gatt, li għandha 15-il sena, rebħet l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju.

Gatt kisbet ħin ta’ 4 minuti 18.58 sekondi fl-400m freestyle, fejn tejbet b’ħames sekondi l-ħin preċedenti tagħha stess ta’ Frar li għadda. L-għada li kisbet dan is-suċċess, hija kisret rekord nazzjonali ieħor tagħha stess fit-800m freestyle b’ħin ta’ 8 minuti 52.22 sekondi. Dawn iż-żewġ rekords miksuba minn Gatt huma wkoll meqjusa bħala age group records.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien m’Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA