Seba’ gowls għal Balzan u Luxol

RAPPORT STEPHEN AZZOPARDI

Wara l-konfront ta’ bejniethom fil-finali tas-Super Cup, Luxol u Balzan bdew l-istaġun tagħhom ful-kampjonat premer ta’ din is-sena.

Balzan għelbu lil Gżira bl-iskor ta’ 7-4. Wara biss minuta, il-Kroat Frane Despotovic fetaħ l-iskor għal Balzan. Minuta biss wara, Gżira ġabu d-dro permezz ta’ awtogowl ta’ Mark Zammit. Fis-sitt minuta Boicho Marev reġa’ poġġa lil Balzan fil-vantaġġ. Kien hawn li Balzan qabdu ritmu tajjeb u skuraw tliet gowls oħra permezz ta’ Glenn Bonello, Boicho Marev u awtogowl ta’ Sean Vella. Luke Stivala u Alessio Restuccia niżluhom għal 5-3. Għal darb’oħra reġa kien Despotovic li sab ix-xibka u għamilhom 6-3. Fl-aħħar tliet minuti, Nicola Delre għamilhom 7-3 u Ruben Mellado Burguillo għamel l-iskor finali 7-4.

Luxol ukoll ħarġu rebbieħa meta għelbu lil Swieqi bl-iskor ta’ 7-3. Bħal Balzan, Luxol fetħu l-iskor wara minuta permezz ta’ Dale Camilleri. Sitt  minuti wara Zvesdan Vukovic tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess u reġa’ għamel l-istess fit-tieni taqsima. Madanakollu Vukovic skurja tripletta li kienu l-uniċi gowls ta’ Swieqi fil-partita. Għal Luxol kellna wkoll doppjetta ta’ Florin Anton u gowl kull wieħed għal Peter Pullicino u George Fendo.

Fl-aħħarnett Hamrun Spartans għelbu lil Zebbug Rangers bl-iskor ta’ 9-0. Il-gowls waslu minn doppjetti ta’ Rogerio Dos Santos Filho u Paul Bugeja, Nemanja Radojicic, Michael Spiteri minn penalti, Andy Mangion, awtogowl ta’ Steve Sammut u Jovica Milijic.

Intant il-kampjonat premier ikompli b’dawn il-partiti li bħal dejjem jintlagħbu fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin:

Il-Ħamis 16 ta’ Ottubru fit-7:45pm ikollna Gzira vs Swieqi

Il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru fit-8:00pm Balzan vs Qormi u fid-9:15pm Luxol vs Valletta.

Miktub minn...
TVM Sport
.