Olimpijadi TOKYO 2020
Seba’ ħaddiema bil-Covid-19 fil-lukanda fejn hemm il-kontinġent Brażiljan

Numru ta’ ħaddiema f’lukanda Ġappuniża nstabu pożittivi għall-Covid-19. Il-problema hi li f’din il-lukanda qed joqgħod il-kontinġent Brażiljan li ser jieħu sehem fl-Olimpjadi, u l-biża’ kibret li l-Covid-19 jista’ jibda jinxtered fost l-atleti u d-delegati.

Il-kapitali Tokjo qed tesperjenza mewġa kbira ta’ każijiet ġodda ta’ coronavirus, l-għola numri fl-aħħar sitt xhur.

Il-kontinġent Brażiljan jinsab fil-belt ta’ Hamamatsu, fil-Lbiċ ta’ Tokjo. Fil-lukanda fejn qed jirrisjedu nstabu seba’ membri tal-istaff pożittivi għall-Covid-19, u l-għada li ħarġet l-aħbar, wieħed mill-atleti li kien diġà kwarantina, instab li wkoll kien pożittiv għall-coronavirus.

B’hekk qed jikber l-inkwiet għall-organizzaturi li ġimgħa biss qabel jibdew l-Olimpjadi, jista’ jkun hemm tixrid massiċċ fost l-atleti, li mbagħad it-tixrid ikompli fil-pajjiżi rispettivi tagħhom meta jirritornaw lura f’darhom.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA