Formula 1
Sebastien Vettel skwalifikat minħabba li ma kienx fadallu biżżejjed fuel fi tmiem it-tellieqa, Hamilton jitla’ fit-2 post u Carlos Sainz it-tielet

Wara tellieqa li fiha nqala’ minn kollox, il-Ġermaniż Sebastien Vettel kellu ferħa bla temma. Dan wara li l-karozza Aston Martin spiċċat bla fuel malli ntemmet it-tellieqa, u allura l-uffiċjali ma setgħux jiġbdu kampjun tal-fuel li ntuża wara t-tellieqa.

Skont ir-regolamenti tekniċi, il-kompetituri jridu jassiguraw li fi tmiem it-tellieqa jkun fadal litru ta’ fuel li jkun jista’ jittieħed mill-karozza sabiex isiru xi testijiet fuqu. Jidher iżda, li mill-Aston Martin ta’ Sebastien Vettel seta’ jittieħed biss 0.3 litri.

Filwaqt li t-tellieqa kollha fl-Ungerija kien fiha minn kollox, anke fi tmiemha kien hemm xeni li rarissimu naraw. Il-karozza ta’ Sebastien Vettel waqfet fuq iċ-ċirkwit qabel ma wassslha lura fiż-żona tal-pit stop u allura kellu jiġriha biex imur jifraħ mat-tim. Ir-rebbieħ Esteban Ocon, li għalih din kienet l-ewwel rebħa fil-Formula 1, ma kienx jaf fejn għadu jmur eżatt bil-karozza bħala rebbieħ, u ma daħalx fiż-żona tal-pit stop imma waqaf barra minnha, tant li hu wkoll kellu jiġriha biex imur jifraħ mal-mekkaniċi u t-tekniċi tat-tim Alpine u ma’ sieħbu Fernando Alonso.

L-isfortuna ta’ Sebastien Vettel ġiet tajba għall-Brittaniku Lewis Hamilton, li wara li spiċċa l-aħħar meta ma bidilx it-tyres mal-ewwel, huwa finalment daħal fit-tielet post, eżawrit u diżappuntat. Biss minħabba l-eleminazzjoni ta’ Vettel, huwa tela’ fit-tieni post u allura ħa 18-il punt, bis-sewwieq tal-Ferrari Carlos Sainz jiġi promoss għat-tielet post.

Skont il-paġna tagħhom fuq Twitter, it-tim t’Aston Martin mistennija jappellaw mid-deċiżjoni tal-istewards, għax b’hekk mhux biss tilef 18-il punt Vettel, imma anke t-tim innifsu tilef dawk il-punti. Fl-istqarrija ntqal kif mhuwiex ġust li wara tellieqa impekkabbli kif għamel Vettel, kellu jiġi skwalifikat minħabba li ma nġibidx kampjun biżżejjed ta’ fuel mill-karozza.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA