Seminar bi sħab f’Ottubru bejn il-PBS u l-Għaqda Ġurnalisti Sports

Il-Public Broadcasting Services u l-Għaqda Ġurnalisti Sports se jorganizzaw Seminar Nazzjonali bl-isem “The Development of Sport Services on Television”, bil-kollaborazzjoni tar-RAI.

Għas-seminar li se jsir it-Tnejn 6 u t-Tlieta 7 ta’ Ottubru se jinġiebu Malta żewġ ġurnalisti u kummentaturi tal-futbol ta’ RAI Sport, Gianfranco Coppola u Stefano Mattei, it-tnejn li huma kontributuri regolari fil-programmi fosthom Stadio Sprint, Dribbling, Domenica Sportiva u Novantesimo Minuto.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet iċ-ċermen tal-PBS Tonio Portughese qal li l-PBS qed tqis dan is-seminar bħala kontinwazzjoni tal-investiment fl-isport lokali u fil-kummentaturi sportivi tagħha lejn servizz iktar professjonali lit-telespettaturi Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Charles Camenzuli appella lill-ġurnalisti kollha biex jattendu għal dan is-seminar, li żgur se jkun ta’ beneficcju għall-kontributuri lokali, speċjalment dawk li jikkumentaw avvenimenti sportivi diretti.

Camenzuli rringrazzja lil-PBS, speċjalment liċ-ċermen Tonio Portughese, lil-Kap Eżekuttiv Anton Attard, u lill-manager Sport tal-PBS Peter Cossai, tal-koperazzjoni tagħhom fl-organizazzjoni ta’ dan is-seminar.

Miktub minn...
Rodney Vassallo