Futbol lokali
Senglea Athletic u Sirens jerġgħu jispiċċaw draw, din id-darba 2-2

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20

Senglea A…..2

Sirens………2

Senglea Athletic u Sirens iltaqgħu t-tieni darba matul dan l-istaġun u għat-tieni darba t-tnejn li huma ħadu punt kull wieħed għax wara li fl-ewwel round spiċċaw 1-1, f’dan il-konfront fil-Hibernians Stadium spiċċaw 2-2. Għal Senglea ddebutta l-kowċ Giorgio Roselli li fil-karriera tiegħu kien lagħab m’Inter bħala midfielder.

Fil-21 minuta Senglea kellhom l-ewwel ċans li jiftħu l-iskor meta mill-freekick ta’ Cipriott, Teixeira ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tħabbat il-ballun mal-wieqfa, bil-goalkeeper Farrugia megħlub, u l-ballun iddawwar f’corner mid-difiża ta’ Sirens. Fil-35 minuta Teixeira tefa’ cross fil-baxx mix-xellug, bħal vleġġa daħal Marcelo Mariano Dias li spara fix-xibka għal 1-0. Sirens ma tantx damu biex wettqu reazzjoni għaliex erba’ minuti wara għamlu l-iskor indaqs. Dak li deher ballun mitluf minn saqajn Cheveresan fil-kaxxa, wasal għand Romario Lucas Memezes li minn qagħda angolata spara fir-rokna għal 1-1.

Fil-65 minuta Farrugia kellu jkun attent biex dawwar f’corner il-freekick ta’ Espindola, u tliet minuti wara l-Isla reġgħu marru fil-vantaġġ. Kien żball difensiv ta’ Sirens li ġab il-ballun preċiż f’saqajn is-sostitut Ricardo Theodoro De Almeida li aċċetta r-rigal u b’xutt fil-baxx tefa’ ġewwa għal 2-1. U fid-89 minuta Sirens reġgħu ġabu l-iskor indaqs meta s-sostitut Edward Herrera fid-debutt tiegħu ma’ Sirens tefa’ cross-shot mil-lemin bil-ballun jaħbat mal-wieqfa u jispiċċa jaqbeż il-linja għal 2-2.

Riżultat finali: Senglea A. 2  Sirens 2

BOV Player tal-Logħba: Marcelo Mariano Dias (Senglea A.)

Referee: Daniel Portelli

Senglea A – Matthew Farrugia (GK)(c), Sigitas Olberkis, Dejan Debono, Elvis Sakyi, Manolito Micallef, Jose Wilkson Teixeira, Jan Tanti (Connor Zammit 73’), Sean Cipriott, Wilfried Zamble (Ricardo Theodoro De Almeida 62’), Carneiro Anderson Do Nascimento, Marcelo Mariano Dias

Sirens – David Cassar (GK), Ryan Grech (c), Wellington De Oliveira (Siraj Eddin Arab 76’), Raphael Dos Anjos (Edward Herrera 83’), Emmanuel Okoye, Adrian Borg, Ige Abdullahi Adeshina, Romeu Pericles Romao, Romario Lucas Memezes, Thiago Espindola, Flavio Silva Cheveresan

 

 

 

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Valletta kontra Birkirkara hija l-iktar logħba attraenti tal-ewwel ġurnata tal-kampjonat BOV Premier tal-istaġun 2020/21 li se jibda fil-11 ta’ Settembru. Fl-ewwel ġurnata ċ-Champions renjanti Floriana jaffrontaw lil Gżira United. Dan…

Futbol lokali

Il-plejer internazzjonali Malti Joseph Mbong, ftit tal-minuti ilu sar plejer ta’ Hamrun Spartans. Jidher li bejn Hibernians u Hamrun Spartans intlaħaq ftehim dwar iċ-ċifra tat-trasferiment proprju fl-10.15 am meta kien…

Aktar