Futbol internazzjonali
Ser tiġi fi tmiemha l-istennija ta’ 30 sena?

Ma’ kull logħba li qiegħda tgħaddi, tiżdied in-narrattiva li Liverpool ser itemmu l-istennija ta’ 30 sena biex jirbħu l-kampjonat. Sakemm bdiet l-era tal-Premiership, Liverpool kienu l-aqwa tim fl-Ingilterra, meta rebħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni għal tmintax-il darba, bl-aħħar wieħed ikun l-istaġun 1989/90.

S’issa r-Reds lagħbu 19-il logħba f’dan l-istaġun, rebħu tmintax u ġew draw waħda biex ġabru 55 punt minn possibilment 57. B’logħba inqas minn Leicester City u Manchester City, Liverpool diġa’ bnew distakk ta’ 13-il punt u 14 mill-eqreb rivali tagħhom u meta beda t-tieni round ta’ dan l-istaġun huma ħafna li qegħdin isostnu li f’Mejju li ġej il-ħomor ta’ Merseyside ser ikunu qegħdin jiċċelebraw.

Fl-aħħar sitt staġuni, kien hemm timijiet li anke tilfu tliet logħbiet u xorta waħda rebħu l-kampjonat, b’Leicester City jiġbru biss 81 punt meta rebħu l-ewwel kampjonat fl-istorja tagħhom. Fl-aħħar staġuni, dawn kienu r-rebbieħa u l-ammont ta’ punti li ġabru sa tmiem l-istaġun:

2014/15 – Chelsea – 87 punt

2015/16 – Leicester City – 81 punt

2016/17 – Chelsea – 93 punt

2017/18 – Manchester City – 100 punt

2018/19 – Manchester City – 98 punt

Għalkemm mhux dejjem, ħafna mit-timijiet li jkunu fl-ewwel post sal-aħħar tas-sena, jibqgħu sejrin sabiex jirbħu l-kampjonat u sa mill-istaġun 2006/07, l-ebda tim li kien fl-ewwel post ma’ kellu punti daqskemm għandhom Liverpool s’issa, 55 punt.

Fl-2006/07, sal-aħħar tas-sena Manchester United kienu l-ewwel b’47 punt u baqgħu sejrin biex rebħu l-kampjonat matul dak l-istaġun.

Fl-2007/08, Arsenal kienu l-ewwel sal-aħħar tas-sena b’43 punt, imma mbagħad spiċċaw l-istaġun fit-tielet post wara Manchester United u Chelsea.

Fl-2008/09, Liverpool temmew is-sena fl-ewwel post b’39 punt, imma sa tmiem l-istaġun spiċċaw it-tieni, erba’ punti wara Manchester United.

Fl-2009/10, Chelsea kienu fuq quddiem sal-aħħar tas-sena b’41 punt, u baqgħu sejrin biex rebħu l-kampjonat.

Fl-2010/11, Manchester United kienu t-tim li kellu l-inqas punti sal-aħħar tas-sena, 34, imma xorta waħda rnexxilhom jirbħu l-kampjonat f’Mejju 2011.

2011/12, Manchester City kienu fl-ewwel post b’44 punt sal-aħħar tas-sena, u l-bluni ta’ Manchester kienu rebħu l-kampjonat.

Fl-2012/13, Manchester United ġabru 43 punt sal-aħħar tas-sena u baqgħu l-ewwel sa tmiem l-istaġun.

Fl-2013/14, Liverpool kienu l-ewwel b’36 punt sal-aħħar tas-sena, imma tilfu l-kampjonat b’żewġ punti wara Manchester City.

Fl-2014/15, Chelsea rnexxilhom jirbħu l-istaġun u anke kienu l-ewwel sal-aħħar tas-sena bi 42 punt.

Fl-2015/16, Leicester City kellhom 38 punt sal-aħħar tas-sena, u l-Foxes baqgħu għaddejjin biex rebħu l-kampjonat b’81 punt.

Fl-2016/17, Chelsea temmew is-sena b’40 punt u baqgħu l-ewwel sa Mejju.

Fl-2017/18, Manchester City kienu l-ewwel sal-aħħar tas-sena, u matul dak l-istaġun kisru r-rekord ta’ punti meta rebħuh b’100 punt.

Fl-2018/19, Liverpool kienu l-ewwel sal-aħħar tas-sena, imma f’Mejju tilfu l-kampjonat b’punt kontra Manchester City.

Dan kollu jfisser li fl-aħħar 11-il sena, Liverpool kienu tliet darbiet l-ewwel sal-aħħar tas-sena imma mbagħad xorta waħda ma rnexxilhomx jirbħu l-kampjonat. Forsi d-differenza kbira f’dan l-istaġun hija d-distakk kbir li hemm bejnhom u Leicester City li jinsabu t-tieni, b’Manchester City 14-il punt ‘il bogħod mir-Reds. Kollox jiddependi mil-logħbiet fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, biss jekk ir-Reds ser jibqgħu għaddejjin b’din il-forma, xejn mhemm xi jżommhom milli f’Mejju li ġej jgħollu t-tazza li ilhom imxennqin għaliha għal snin twal.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

L-attakkant ta’ Porto Moussa Marega ħalla l-grawnd bi protesta wara korijiet razzisti fil-konfront tiegħu waqt il-logħba bejn Vitoria Guimaraes u Porto. L-attakkant ta’ 28 sena mill-Mali rnexxilu jiskorja t-tieni gowl…

Futbol internazzjonali

Tħabbret il-mewt ta’ Herry Gregg, l-ex gowlkiper Irlandiż ta’ Manchester United. Gregg baqa’ jissemma bħala wieħed mill-eroj tat-traġedja tal-ajru ta’ Munich li fiha kien involut it-tim ta’ Manchester United, lura…

Futbol internazzjonali

Manchester City ġew sospizi sentejn milli jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, UEFA Champions League u UEFA Europa League, għal ksur serju fir-regoli tal-financial fair play. Apparti din is-sospensjoni li tista tiġi appellata,…

Futbol internazzjonali

Tard ilbieraħ filgħaxija, il-President ta’ Juventus Andrea Agnelli u d-Direttur Ġenerali Fabio Paratici, sejħu lill-kowċ Maurizio Sarri biex miegħu jiddiskutu l-futur ta’ Juventus għal kumplament tal-istaġun. Jidher li din il-laqgħa…

Aktar