Futbol internazzjonali
Serie A – Kessie jassigura post fiċ-Champions League, Juventus jagħmluha wkoll wara d-draw ta’ Napoli

Atalanta  0-2  Milan

Milan temmew dan l-istaġun fit-tieni post meta fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat marru Bergamo u għelbu lil Atalanta 2-0. Ir-rossoneri marru minn fuq ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima, meta fit-43 minuta Kessie mill-11-il metru ma żbaljax u għamilhom 1-0.

Il-logħba dehret li ser tintemm b’dan ir-riżultat, sakemm mal-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari De Roon t’Atalanta tkeċċa b’karta ħamra diretta u Milan ingħataw penalty ieħor, li Kessi mill-11-il metru ma falliex biex skorja doppjetta personali u għalaq il-logħba 2-0.

Bologna  1-4  Juventus

Juventus wettqu dak li ħafna ħasbu li mhux ser jirnexxilhom, meta kkwalifikaw għaċ-Champions League fl-istaġun li ġej. Sa tmiem l-ewwel taqsima Juventus kienu diġà serrħu rashom mit-tliet punti meta Chiesa fetħu l-iskor wara 6 minuti logħob. Morata għamilhom 2-0 fid-29 minuta, u Rabiot skorja t-tielet fil-45 minuta. Morata skorja doppjetta personali fis-47 minuta u għamel l-iskor 4-0, b’Bologna jiskurjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni permezz t’Orsolini fil-85 minuta.

Napoli  1-1  Verona

Żewġ gowls fit-tieni taqsima ddeċidew il-konfront li permezz tiegħu Napoli ser jilagħbu fl-Europa League fl-istaġun li ġej. In-Naplitani riedu rebħa wara li Juventus kienu qed jirbħu l-konfront tagħhom kontra Bologna, jekk kemm-il darba riedu jikkompetu fiċ-Champions League l-istaġun li ġej.

Rrahmani fetaħ l-iskor għal Napoli mas-siegħa logħob, imma Faraoni ġab id-draw disa’ minuti wara u għalaq il-logħba 1-1.

F’logħbiet oħra:

Sassuolo  2-0  Lazio
Spezia  2-2  Roma
Torino  1-1  Benevento

B’dawn ir-riżultati, Inter rebħu l-Iscudetto u ngħataw it-trofew, filwaqt li Milan, Atalanta u Juventus ingħaqdu magħhom biex jieħdu sehem fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej.

Napoli u Lazio ser jikkompetu fil-UEFA Europa League, filwaqt li Roma ser jieħdu sehem fil-UEFA Europa Conference League.

Benevento, Crotone u Parma sfaw relegati għas-Serie B.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA