Futbol internazzjonali
Serie A: Lecce relegati, Genoa jirbħu b’disa’ plejers

Lecce 3   Parma 4

Lecce tilfu l-aħħar logħba tagħhom fis-Serie A meta laqgħu għandhom lil Parma u tilfu 4-3. Parma fetħu żewġ gowls vantaġġ qabel in-nofs siegħa logħob meta l-ewwel sabu l-għajnuna ta’ Lucioni li tefa’ fix-xibka tiegħu stess mal-11-il minuta u fl-24 minuta kien Caprari li skorja t-tieni u għamilhom 2-0. Biss Lecce wettqu reazzjoni u sas-suffara għal tmiem l-ewwel taqsima kienu diġà ġabu l-iskor indaqs meta Barak għamilhom 2-1 fl-40 minuta u Meccariello għamilhom 2-2 fil-45 minuta.

Fit-tieni taqsima Parma skurjaw tnejn oħra. Cornelius għamilhom 3-2 fit-52 minuta u Inglese skorja r-raba’ fis-66 minuta. Żewġ minuti wara Lapadula naqqas id-distakk għal Lecce, biss ma setgħux jerġgħu jsibu x-xibka u ħarġu telliefa. Dan kien ifisser li Lecce spiċċaw relegati għas-Serie B għall-istaġun li ġej.

 

Genoa 3   Verona 0

Avolja b’żewġ plejers inqas, Genoa ħadu dak li riedu fl-aħħar ġurnata tas-Serie A meta laqgħu għandhom lil Verona u rebħulhom 3-0. Genoa kienu tajbin biżżejjed biex sa tmiem l-ewwel taqsima fetħu t-tliet gowls vantaġġ. Sanabria fit-13 u fil-25 minuta skorja doppjetta personali filwaqt li Romero għalaq il-logħba bit-tielet gowl fl-44 minuta, biex b’hekk Genoa kellhom diġà moħħhom mistrieħ li ser isalvaw fis-Serie A.

L-iskorer tat-tielet gowl, Romero, spiċċa mkeċċi fit-62 minuta għat-tieni karta safra, u Genoa xorta waħda rnexxilhom iżommu sod avolja bi plejer inqas. Fl-aħħar minuti tal-logħba spiċċaw saħansitra jilagħbu b’disgħa għaliex Cassata kien imkeċċi b’karta ħamra diretta, l-istess kif kien imkeċċi Amrabat fuq in-naħa l-oħra.

 

F’logħbiet oħra mill-aħħar ġurnata tas-Serie A:

Bologna  1-1  Torino

Sassuolo  0-1  Udinese

Spal  1-3  Fiorentina

 

B’hekk, wara li ntemm l-istaġun 2019/20, Juventus rebħu d-disa’ Scudetto konsekuttiv u s-36 wieħed fl-istorja tagħhom. Barra minn hekk, huma flimkien m’Inter, Atalanta u Lazio ser jikkompetu fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej. Roma, Milan u Napoli huma t-tliet timijiet li ser jikkompetu fil-UEFA Europa League.

Fin-naħa t’isfel, Lecce, Brescia u Spal spiċċaw relegati għas-Serie B filwaqt li Benevento u Crotone diġà ċerti mill-promozzjoni għas-Serie A u fadal jiġi deċiż min ser jagħmilha wkoll bejn Spezia, Chievo, Empoli, Cittadella, Frosinone u Pordenone.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra

MALTA ………….0 DANIMARKA….8 EURO 2021 TAN-NISA Telfa kbira ta’ 8-0 għal Malta kontra d-Danimarka illejla fis-Centenary Stadium. It-telfa hija s-sitt waħda għat-tfajliet Maltin minn tmien logħbiet s’issa fi Grupp B:…

Il-partitarji ta’ Seville qed jiġu ttestjati kontra l-COVID-19 hekk kif jinsabu fi triqithom lejn l-Ungerija għall-finali tas-Super Cup tal-Ħamis li ġej kontra Bayern Munich. Il-partitarji se jitħallew jidħlu jsegwu l-finali…

L-attakkant ta’ Barcelona Luis Suarez laħaq ftehim mal-klabb tiegħu biex itemm il-kuntratt tiegħu u jibda wieħed ġdid ma’ Atletico Madrid. Din l-aħbar ħarġu biha l-media Spanjola. Suarez u t-tielet l-aħjar…

Arturo Vidal huwa uffiċjalment plejer ta’ Inter hekk kif il-klabb Taljan laħaq ftehim ma’ Barcelona dwar il-plejer Ċilen. L-aħbar għamluha uffiċjali ż-żewġ klabbs. Inter ħallsu miljun ewro biex iffirmaw lill-midfielder…

Aktar