Futbol internazzjonali
Serie A: Milan idawru telfa f’rebħa f’ħames minuti kontra Juventus

Milan 4   Juventus 2

Tliet gowls f’temp ta’ ħames minuti fit-tieni taqsima dawru l-logħba favur Milan meta f’San Siro għelbu lil Juventus 4-2. Sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien għadu 0-0, u mal-ftuħ tat-tieni waħda Rabiot poġġa lil Juventus 1-0 minn fuq. Fit-53 minuta Ronaldo kabbar il-vantaġġ għat-tim ta’ La Vecchia Signora, imma Milan dawru r-riżultat wara s-siegħa l-logħob.

Mill-11-il metru Ibrahimovic ma żbaljax biex fit-62 minuta naqqas id-distakk għal 2-1. Fis-66 minuta Kessie ġab l-iskor indaqs wara assist tal-istess Ibrahimovic u minuta wara Leao sab ix-xibka u poġġa lir-rossoneri għall-ewwel darba minn fuq. Il-ħasda fuq Juventus kienet qed tinħass sew tant li Milan baqgħu jikkontrollaw il-logħba u fit-80 minuta skurjaw ieħor permezz ta’ Rebic biex għamlu l-iskor 4-2.

Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għal Milan li fl-aħħar ħames ħarġiet tagħhom ħadu erba’ rebħiet u draw, tant li issa rnexxilhom jitilgħu fil-5 post b’49 punt, wieħed aktar minn Roma u Napoli li iżda għandhom logħba inqas. Għal Juventus din it-telfa kienet ir-raba’ waħda f’dan l-istaġun imma l-effett tagħha ma nħassx daqshekk għaliex xorta waħda żammew is-7 punti distakk fil-quċċata tal-klassifika.

 

Lecce 2   Lazio 1

Żelqa għal Lazio kontra Lecce meta ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 2-1 wara li kienu huma l-ewwel li marru fil-vantaġġ. It-telfa ta’ Lazio nħasset aktar meta filgħaxija Juventus tilfu wkoll, u li kieku kien irnexxilhom jirbħu aktar kmieni, allura d-distakk fil-quċċata kien jinżel għal 4 punti.

Lecce ħasbu li fetħu tajjeb meta wara 2 minuti Mancosu sab ix-xibka imma l-gowl kien ikkanċellat permezz tal-VAR wara li kien hemm handsball. Lazio approfittaw u fil-5 minuta marru minn fuq b’gowl ta’ Caicedo. Il-vantaġġ żammewh san-nofs siegħa logħob għaliex Babacar ġab id-draw għal Lecce. Il-lejla għal Mancosu baqa’ sejra mill-ħażin għall-agħar għax wara li kellu gowl ikkanċellat kmieni fil-logħba spiċċa anke falla penalty eżatt qabel il-mistrieħ.

Kmieni fit-tieni taqsima Lecce sabu l-gowl tar-rebħa meta Lucioni tefa’ fix-xibka għal 2-1. Il-lejla għal Lazio kompliet tiggrava meta Patric spiċċa mkeċċi b’karta ħamra diretta ftit sekondi qabel is-suffara finali tar-referee.

 

Illejla jintlagħab programm ta’ sitt logħbiet mis-Serie A:

19:30 Fiorentina – Cagliari

19:30 Genoa – Napoli

21:45 Roma – Parma

21:45 Atalanta – Sampdoria

21:45 Bologna – Sassuolo

21:45 Torino – Brescia

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Olympique Lyon u Manchester City se jiltaqgħu kontra xulxin fil-kwartifinali tal-UEFA Champions League wara li l-gimgha eliminaw lil Juventus u Real Madrid rispettivament Fil-Juventus Stadium il-Bianconeri riedu jirkupraw żvantaġġ ta’…

Futbol internazzjonali

Wara nuqqas ta’ ħames xhur, mil-lejla tirritorna l-aqwa kompetizzjoni Ewropea, il-UEFA Champions League. Żewġ logħbiet illejla u tnejn oħra għada jiddeċiedu erba’ kwartifinalisti ta’ din il-kompetizzjoni. Juventus – Lyon (agg….

Futbol internazzjonali

Bayer Leverkusen 1   Rangers 0 (agg. 4-1) Fil-BayArena, Bayer Leverkusen komplew jikkonfermaw id-dominju tagħhom fuq Rangers meta rebħulhom 1-0 u għaddew għall-kwartifinali b’aggregate ta’ 4-1. Il-gowl uniku tal-logħba kien skurjat…

Futbol internazzjonali

F’inqas minn ġimgħa wara r-rebħ tal-FA Cup, li permezz t’hekk Arsenal ser jikkompetu fil-UEFA Europa League fl-istaġun li ġej, faqqgħet il-bomba li 55 persuna mill-istaff ser jitneħħew. Filwaqt li l-klabb…

Aktar