Futbol internazzjonali
Serie A: Rebħa kbira għal Inter u ħasda għal Fiorentina

Inter 6   Brescia 0

Tliet gowls f’kull taqsima taw rebħa kbira ta’ 6-0 lil Inter fuq Brescia. Young poġġa lin-neroazzuri minn fuq wara 5 minuti, u Sanchez minn penalty għamilhom 2-0 fl-20 minuta. D’Ambrosio skorja t-tielet eżatt qabel il-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima Gagliardini skorja r-raba’ fit-52 minuta, u Eriksen għamilhom 5-0 fit-83 minuta. Candreva skorja s-sitt gowl fit-88 minuta għal Inter.

B’din ir-rebħa Inter jinsabu 4 punti taħti Lazio li jinsabu t-tieni, u 7 punti fuq Atalanta li iżda għandhom logħba inqas.

 

Fiorentina 1   Sassuolo 3

Sassuolo marru fl-Artemio Franchi u għelbu lil Fiorentina 3-1. Defrel skorja darbtejn fl-ewwel taqsima f’temp ta’ 11-il minuta, l-ewwel minn penalty fl-24 minuta mbagħad fil-35 minuta. Muldur skorja t-tielet għal Sassuolo mas-siegħa logħob, bil-Viola jiskurjaw gowl uniku fid-90 minuta permezz ta’ Cutrone.

 

Lecce 1   Sampdoria 2

Rebħa importanti għal Sampdoria fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni, filwaqt li Lecce baqgħu t-tielet mill-aħħar. Ramirez poġġa lil Sampdoria minn fuq mill-11-il metru fl-40 minuta, filwaqt li reġa’ sab ix-xibka minn penalty ieħor kwarta mit-tmiem. Lecce kienu ġabu d-draw fil-50 minuta minn penalty ieħor ta’ Mancosu.

 

Bologna 1   Cagliari 1

Punt kull wieħed għal Bologna u Cagliari f’konfront li spiċċa 1-1 sad-90 minuta. Barrow poġġa lil Bologna minn fuq eżatt qabel is-suffara ta’ tmiem l-ewwel taqsima, b’Simeone jġib id-draw għal Cagliari eżatt malli fetħet it-tieni waħda.

 

Spal 2   Milan 2

Draw ukoll bejn Spal u Milan, b’diżappunt għar-rossoneri li ma ħarġux bit-tliet punti li tant kellhom bżonn fit-tama li jiksbu post f’kompetizzjoni Ewropa l-istaġun li ġej. Għal Spal dan kien punt li forsi ma tantx jiswa meta jinsabu ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika, 6 punti ‘l bogħod minn Lecce u 7 minn Genoa.

Spal fetħu żewġ gowls vantaġġ fl-ewwel taqsima, l-ewwel minn Valoti fit-13-il minuta mbagħad Floccari man-nofs siegħa logħob. Milan kellhom gowl imħassar fis-37 minuta ta’ Calhanoglu b’deċiżjoni tal-VAR, imma t-tkeċċija t’Alessandro għal Spal fit-43 minuta qalbet il-fiżjonomija tal-logħba.

Fit-tieni taqsima Milan ħarġu jfittxu l-gowls, imma Spal għalkemm b’raġel inqas pruvaw jassorbu l-pressjoni. Ir-rossoneri nifdu d-difiża avversarja fid-79 minuta b’gowl ta’ Leao, u ftit qabel is-suffara finali Vicari tefa’ fix-xibka, biss kienet tat-tim tiegħu stess biex għamel awto-gowl u ta punt lit-tim Milanist.

 

Verona 3   Parma 2

F’konfront missielet bejn żewġ timijiet li kellhom l-istess punti qabel il-logħba, Verona ħarġu rebbieħa 3-2 fuq Parma. Kulusevski poġġa lil Parma minn fuq mal-kwarta logħob, b’Di Carmine ġab id-draw għal Verona mill-11-il metru eżatt qabel intemmet l-ewwel taqsima.

Zaccagni poġġa lil Verona għall-ewwel darba minn fuq fl-54 minuta, imma Gagliolo ġab id-draw fl-64 minuta. Il-gowl tar-rebħa għal Verona wasal minn Pessina disa’ minuti minn tmiem il-konfront.

 

Illejla jintlagħbu żewġ logħbiet oħra mis-Serie A:

19:30 Atalanta – Napoli

21:45 Roma – Udinese

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Wara tant stennija, u wara li l-kampjonati domestiċi madwar l-Ewropa twasslu għat-tmiem tagħhom ħafna iktar tard mis-soltu, din il-ġimgħa sa fl-aħħar jirritornaw il-kompetizzjonijiet tal-UEFA għall-clubs li kien ilhom sospiżi minn…

Futbol internazzjonali

Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Football, il-FIFA, iddeskriviet id-deċiżjoni tal-awtoritarjiet Żvizzeri li jiftħu proċeduri kriminali kontra l-President Gianni Infantino bħala assurda. Il-każ huwa dwar laqgħat li Infantino kellu mal-Avukat Ġenerali Żvizzeru Michael Lauber….

Futbol internazzjonali

Lecce 3   Parma 4 Lecce tilfu l-aħħar logħba tagħhom fis-Serie A meta laqgħu għandhom lil Parma u tilfu 4-3. Parma fetħu żewġ gowls vantaġġ qabel in-nofs siegħa logħob meta l-ewwel…

Aktar