Futbol internazzjonali
Serie A: Turbolenzi għal Inter u Antonio Conte…jista’ jirriżenja wara ftit jiem

Il-media Taljana qed tirraporta bi prominenza inkwiet kbir li għaddejjin minnu bħalissa t-tim ta’ Inter.

Jidher li Antonio Conte, il-kowċ li ffirma kuntratt ġdid bil-għan jibdew jirbħu l-unuri, jista’ jitlaq lill-klabb wara ftit sigħat fil-ħatra.

Siti importanti fl-Italja qed jirrapurtaw li Conte jinsab deluż ħafna minħabba l-fatt li diversi plejers li suppost diġà ġew mal-klabb, għadhom ma jidhrux b’nemes. Iż-żewġ plejers li Conte jinsab urtat l-aktar li għadhom mhux mat-tim huma Edin Dzeko u Romelu Lukaku.

Din l-aħbar ingħatat id-dawl jumejn ilu meta kien Conte stess li f’konferenza stampa ddikjara li Inter jinsabu ferm lura fejn timijiet oħra, b’referenza indiretta għal Juventus u Napoli. Il-media fl-Italja qed tirraporta li dan id-diskors kien wieħed iebes ħafna u li qala’ paniku kbir fis-soċjetà Interista.

Il-media Taljana tkompli tirraporta li d-diriġenza ta’ Inter, anki jekk wara ftit jiem, diġà ma żammitx il-kelma mal-kowċ Taljan, fuq diversi affarijiet oħra.

Iktar tard, Giuseppe Marotta, Direttur Ġenerali ta’ Inter, ikkalma s-sitwazzjoni u qal li t-tim ta’ Inter se jkun komplut fil-jiem jew il-ġimgħat li ġejjin u li għalissa teħtieġ ftit paċenzja.

Antonio Conte mistenni jerġa’ jiltaqa’ mad-diriġenti ta’ Inter fis-sigħat li ġejjin.

Miktub minn...
TVM Sport