Serie A – Napoli miżmuma minn Cagliari .. Juventus konvinċenti f’Ruma

Serie A

Napoli – Cagliari 3 – 3

Fl-Italja, daqqa ta’ ħarta għal Napoli miżmuma fi draw ta’ 3-3 f’darhom minn Cagliari.

Vantaġġ doppju għal partenopei b’gowls minn Gonzalo Higuain u Gokhan Inler.

Qabel il-mistrieħ Victor Ibarbo naqqas id-distakk għas-Sardi, qabel l-ewwel draw ta’ Diego Farias.

Napoli mill-ġdid minn fuq wara s-siegħa logħob mill-Olandiż Jonathan De Guzman, qabel ma’ Diego Farias spiċċa l-eroj għat-tim ta’ Zdenek Zeman bid-doppjetta personali, u punt prestiġġjuż għal Cagliari.

Torino – Sassuolo 0 – 1

Inkwiet għall-kowċ Giampiero Ventura u t-tim tiegħu Torino wara telfa home ta’ 1-0 kontra Sassuolo.

Gowl fl-aħħar minuti tal-partita għal Sassuolo minn Antonio Floro Flores.

Cesena – Sampdoria 1 – 1

Draw ta’ 1-1 bejn Cesena u Sampdoria.

Cesena fil-vantaġġ minn Stefano Lucchini, qabel id-draw għal Sampdoria minn awtogowl ta’ Constantin Nica.

Verona – Fiorentina 1 – 2

Rebħa tajba barra minn darhom għal Fiorentina li għelbu lil Verona fil-Benetegodi bl-iskor ta’ 2-1.

Kmieni fil-partita Gonzalo Rodriguez poġġa lil Vjola fil-vantaġġ qabel id-draw minn Nico Lopez.

Il-gowl tar-rebħa għat-tim tal-kowċ Vincenzo Montella wasal minn Juan Cuadrado fit-tnejn u sittin minuta.

Parma – Empoli 0 – 2

Teskala l-kriċi għal Parma, megħluba f’darhom 2-0 minn Empoli.

Toskani fi-vantaġġ minn Matias Vecino qabel il-mistrieħ, biex fit-tieni taqsima Francesco Tavano ssiġilla rebħa mportanti għal Empoli bit-tieni gowl.

Udinese – Chievo 1 – 1

U draw ta’ 1-1 bejn Udinese u Chievo.

Is-solitu Antonio Di Natale tefa lil Udinese fil-vantaġġ fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima, qabel id-draw għal Chievo fl-erbgħa u sebgħin minuta minn Ivan Radovanovic.

Lazio – Juventus 0 – 3

Fil-logħba tas-Sibt fil-għaxija, rebħa komda fil-kapitali għaċ-ċampjins Juventus li għelbu lil Lazio bl-iskor ta’ 3-0.

Paul Pogba fetaħ l-iskor fl-erbgħa u għoxrin minuta, Carlos Tevez għamilhom tnejn fil-ħamsa u ħamsin minuta, qabel it-tielet gowl fl-erbgħa u sittin minuta, u d-doppjetta personali għall-Franċiż u stilla Paul Pogba.

Klassifika – Juventus 31, Roma 28, Napoli 22, Sampdoria 21, Lazio 19, Genoa 19, Udinese 18, Milan 17, Inter 16, Fiorentina 16, Sassuolo 15, Verona 14, Empoli 13, Palermo 13, Torino 12, Cagliari 11, Atalanta 10, Chievo 9, Cesena 8, Parma 6.

Miktub minn...
Rodney Vassallo