Futbol internazzjonali
Serje televiżiva ġdida dwar il-ħajja ta’ Diego Armando Maradona

Serje televiżiva fl-Arġentina qed titfa’ dawl ġdid fuq il-ħajja ta’ Diego Armando Maradona. F’din is-serje mhux biss qed tintwera l-glorja tal-ex attakkant Arġentin, imma anke l-problemi personali li kellu.

Is-serje jisimha “Maradona: Blessed Dream,” u hi maqsuma fuq għaxar episodji. Matulhom jintwera l-mod kif kien imrobbi Maradona, kif sploda ‘l fuq fil-fama u fil-karriera, u l-problemi li kellu speċjalment minħabba l-abbuż tad-droga u l-alkoħol.

Fl-ewwel serje Maradona jidher fl-età t’40 sena, b’piż żejjed u bi problemi ta’ saħħa. B’kollox huma erba’ atturi li qed juru stadji differenti minn ħajjet Maradona.

Hemm mumenti fis-serje li tmur lil hemm minn Diego Maradona. Pereżempju, tissemma’ l-mewt ta’ Juan  Domingo Peron, id-dittatur militari Arġentin, kif ukoll l-aspetti politiċi u kalċistiċi f’dan il-pajjiż.

Din is-serje kienet diġà bdiet tinħadem meta Maradona miet f’Novembru tas-sena li għaddiet.

Is-serje “Maradona: Blessed Dream” ser tibda tintwera nhar il-Ġimgħa li ġej.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA