Sevilla jirbħu l-Europa League għat-tielet sena konsekuttiva

Finali UEFA Europa League 2015/2016 

Liverpool…….1

Sevilla…………3

RAPPORT: ROBERT BUSUTTIL

Sevilla għelbu lil Liverpool bl-iskor ta’ 3-1 fil-finali tal-Europa League f’logħba li ntlagħbet f’St Jacob Park fil-Belt ta’ Basel, l-Iżvizzera.

Din kienet it-tielet darba konsekuttiva li l-Ispanjoli rebħu din it-tazza.

Il-holders Seville riedu jirbħu din it-tazza għat-tielet darba konsekuttiva wara s-suċċessi fis-sentejn ta’ qabel.

Il-kowċ tagħhom Unai Emery għażel li jibda b’Soria bejn il-lasti, difiża ta’ b’erbgħa magħmula minn Ferreira, Rami, Carrico u Escudero.

Coke, Krychowiak, N’Zonzi, Banega u Vitolo f’nofs il-grawnd, bl-attakkant prinċipali jkun Banega.

Min-naħa ta’ Liverpool, li kellhom staġun ferm pożittiv fl-Ewropa, il-kowċ Jurgen Klopp ħareġ b’Mignolet bħala gowlkiper, difiża magħmula minn Moreno, Toure, Lovren u Clyne.

Can u Milner bdew joperaw quddiem id-difensuri, bil-plejers ta’ nofs il-grawnd ikunu Llallana, Firmino u Coutinho. Sturridge kellu jieħu ħsieb l-attakk tar-Reds.

Kienu proprju Liverpool li ħolqu azzjoni tal-partita fit-8 minuta meta Emre Can ittanta xortih iżda l-gowlkiper David Soria laqa’ tajjeb.

Fil-25 minuta kien il-keeper ta’ Sevilla, Soria illi ħareġ tajjeb biex imblokka xutt fil-baxx ta’ Sturridge wara li rċieva pass mingħand Llallana.

Fit-32 minuta rovexxjata ta’ Gameiro għal Sevilla bil-ballun li jispiċċa barra.

Liverpool marru fil-vantaġġ fil-35 minuta meta kien Roberto Firmino illi qassam preċiż lejn Coutinho illi min-naħa tiegħu ta lejn Daniel Sturridge illi kkontrolla l-ballun u bi ġmiel ta’ xutt bid-dawra għeleb lil Soria.

Gowl verament sabiħ bl-attakkant Ingliż jiskorja t-tielet gowl tiegħu fl-Europa League.

Erba’ minuti wara, it-tim Ingliż kellu gowl imħassar meta Sturridge nqabad f’pożizzjoni ta’ offside wara daqqa ta’ ras ta’ Lovren.

Tmiem l-ewwel taqsima. Liverpool imorru jistrieħu b’vantaġġ ta’ gowl.

Għaddew 16 –il  sekonda mill-bidu tat-tieni taqsima u Sevilla minnufih iġibu l-iskor indaqs.

Kien id-difensur Alberto Moreno illi kklerja qasir sabiex approfitta Ferreira illi ta fil-baxx lejn Gameiro illi minn żewġ passi bogħod skorja l-1-1.

Dan il-gowl xpruna mhux ftit lill-holders Spanjoli  hekk kif l-istess Gameiro ra x-xutt tiegħu milqugħ ferm tajjeb minn Mignolet.

U għalhekk ma kinitx sorpriża illi Sevilla rduppjaw. Kien xogħol tajjeb ta’ Vitolo illi tella’ kontrattakk veloċi, sabiex daħal bħal sajjetta Coke illi b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Mignolet.

Liverpool dehru mifxula speċjalment fid-difiża u Seville ħadu vantaġġ minn dan kollu hekk kif għamluhom tlieta.

Żball ta’ Emre Can f’nofs il-grawnd, jippermetti kontrattakk veloċi bil-ballun jasal għand Vitolo bi Clyne u Coutinho jonqsu li jiftiehmu bejniethom sabiex il-ballun wasal għand Coke illi b’xutt tajjeb ħasad lil Mignolet.

Għall-bidu l-gowl ma kienx ser jiġi konvalidat pero’ wara diskussjoni bejn ir-referi u l-assistenti tiegħu, l-Ispanjoli setgħu jiċċelebraw.

Tisfira finali tar-referi. Tibda l-festa Spanjola illi kkonfermaw li din it-tazza hija verament tagħhom. Min-naħa l-oħra, diżappunt għal Liverpool illi ntilfu kompletament fit-tieni taqsima, b’Sevilla jagħmlu rimonta perfetta.

Riżultat finali: Liverpool  1 Seville 3

Sevilla jirbħu l-Europa League għat-tielet darba konsekuttiva.

Referi kien Jonas Eriksson mill-Federazzjoni Żvediża.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.