Motorsport
Sewwieq tal-go-karts fl-Italja sospiż għal għomru wara li tefa’ parti minn bumper lejn sewwieq ieħor

Inċident kurjuż fl-Italja waqt tiġrija tal-go-karts waqt tallieqa finali tal-kampjonat dinji, rat sewwieq jiġi sospiż għal għomru mill-federazzjoni anki jekk skuża ruħu u qal li se jkun qed iħalli dan l-isport minn jeddu.

Luca Corberi kellu inċident u kraxxja fil-finali KZ u baqa’ jistenna lir-rival tiegħu fit-tellieqa biex hekk kif idur id-dawra tat-trakka, jitfalu għal rasu parti mill-bumper tal-go-kart.

B’xorti tajba, is-sewwieq Paolo Ippolito ma weġġgħax f’dan l-inċident.

Diversi filmati li ġrew fuq il-media soċjali kienu xhieda ta’ aktar ġlied u inkwiet wara t-tellieqa bejn persuni u oħra tat-timijiet differenti, tant li kienu eluf ta’ persuni li permezz tal-kummenti tagħhom waqqgħu dan l-inċident għaċ-ċajt u ż-żufjett u ddeskrivewh bħala teatrin.

It-tellieqa saret fiċ-ċirkwiet ta’ South Garda, f’Lonato, fin-naħa ta’ fuq tal-Italja.

L-FIA qalet li fuq l-inċident fetħet investigazzjoni mill-ewwel u ssospendiet għal għomru lil Corberi.

Kien Corberi nnifsu li kiteb kumment fis-siti fejn dehret l-aħbar u talab apoloġija u qal li mhux se jkun qed jikkompeti aktar għax f’dan l-isport sar jitlef il-paċenzja u taqbiżlu malajr.

Miktub minn...
TVM Sport