Olimpijadi TOKYO 2020
Simone Biles titkellem fid-dettall għaliex irtirat mill-Olimpjadi ta’ Tokjo

Erbat ijiem wara li rtirat mill-Olimpjadi ta’ Tokjo, il-ġinnasta Amerikana Simone Biles tkellmet dwar id-deċiżjoni tagħha u għaliex ħasset li kellha teħodha.

F’rapporti li bdew ħerġin it-Tnejn, kien hemm sezzjonijiet tal-midja li spekulaw li Biles weġġgħet saqajha u allura ma setgħetx tkompli tikkompeti, imma ftit sigħat wara Biles stqarret li s-saħħa mentali tiġi qabel l-isport. Kollox beda mill-Ħadd, meta fl-ewwel rawnd tal-kompetizzjoni, l-Amerikana kienet ‘il bogħod mill-aqwa tagħha. Fid-dawl ta’ dan ħadet id-deċiżjoni li ma tikkompetiex ma’ sħabha t-Tnejn, bir-regolamenti jgħidu li ħadd ma jista’ joħdilha postha. Biles qalet li sħabha kienu tajbin biżżejjed biex bil-punteġġi li ġabu jirbħu l-fidda, avolja b’ġinnasta inqas. Għal dan il-kumment kienu ħafna dawk li qalu li qed tkun egoista u li tellfet iċ-ċans lil sħabha u lill-Istati Uniti milli jirbħu l-midalja tad-deheb.

F’kummenti li tat il-Ġimgħa filgħodu, Biles qalet li bdiet tħossha skomda tagħmel it-twists fl-ajru minħabba l-kundizzjoni msejħa ‘twisties.’ Qalet li ħassitha bblokkata mentalment, u beżgħet li jekk tikkompeti tispiċċa tweġġgħa. Simone Biles saħqet li mhuwiex minnu li rtirat għax marret ħażin matul il-kompetizzjoni tal-Ħadd. Stqarret li fil-karriera kellha diversi wirjiet negattivi, iżda xorta baqgħet tikkompeti. Sostniet li t-Tnejn li għadda ma ħassithiex sikura, u l-biża’ għamlet tagħha u ddeċidiet li ma tikkompetiex. Biles ziedet tgħid li meta ġinnasta tkun fl-arja, titlef il-kontroll assolut ta’ ġisimha, u allura jekk ma tkunx mentalment b’saħħitha tista’ tweġġa’ serjament.

Biles qalet li l-pubbliku inġenerali forsi ma jirrealizzax kemm hija perikoluża jekk taqa’ mal-art waqt li tkun qed tikkompeti, u saħqet li m’hemmx għalfejn tagħti spjegazzjonijiet għax tat il-prijorità lil saħħitha qabel il-kompetizzjoni.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA