Formula 1
Sir Jackie Stewart, “Il-fatt li lanqas mar biex jara kif inhu Hamilton wara inċident serju bħal dak, hija xi ħaġa li ma nifhimx.”

L-ex champion tal-Formula 1 Sir Jackie Stewart qal li l-Olandiż Max Verstappen fadallu ħafna x’jitgħallem u jekk irid verament ikun rebbieħ, irid jevita l-ħbit.

Stewart kien qed jitkellem wara dak li seħħ f’Monza, il-Ħadd li għadda, meta Verstappen u Hamilton spiċċaw it-tnejn barra mit-tellieqa wara li ħabtu flimkien, bil-karozza tal-Olandiż tispiċċa fuq tal-Brittaniku.

Wara t-tellieqa l-istewards iddeċidew li t-tort tal-inċident kien ta’ Verstappen, u fit-tellieqa li jmiss ser ikollu jibda minn tliet postijiet lura minn dak li jikseb fil-kwalifikazzjoni. Din kienet it-tieni darba f’dan l-istaġun li l-ewwel żewġ sewwieqa fil-klassifika ġew f’kuntatt ma’ xulxin.

Wara t-tellieqa Sir Lewis Hamilton deher sorpriż li Verstappen qas indenja ruħu jiċċekkja kif inhu, wara li wieħed mit-tyres laqatlu l-helmet. B’risposta, l-Olandiż qal li malli ħareġ mill-karozza u ra lil Hamilton jipprova jaqla’ l-Mercedes biex ikompli t-tellieqa, seta’ jifhem li ma kellu xejn u kien għalhekk li baqa’ sejjer. Max Verstappen kien kritiku ħafna ta’ Hamilton meta aktar kmieni matul dan l-istaġun, fit-tellieqa ta’ Silverstone, il-Brittaniku ċċelebra bil-kbir ir-rebħa tiegħu waqt li Verstappen kien għadu qed jiġi osservat fl-isptar minħabba l-inċident li kellhom flimkien aktar qabel.

Skont Sir Jackie Stewart, “Verstappen qed idum biex jimmatura ħafn’aktar milli mistenni. Il-fatt li lanqas mar biex jara kif inhu Hamilton wara inċident serju bħal dak, hija xi ħaġa li ma nifhimx. Aktar u aktar meta baqa’ fil-karozza u dam ftit mhux ħazin biex ħareġ minnha.”

Stewart qed jaħseb li l-fama li kiseb Verstappen telgħetu għal rasu u allura mhuwiex jisma’ l-pariri u jagħti kas il-gwida li qed jingħata. Skont Stewart, Verstappen huwa l-aktar sewwieq veloċi bħalissa, imma biex ikun verament rebbieħ ma jistax joqgħod jinvolvi ruħu f’diversi inċidenti.

Għal Sir Jackie Stewart, id-deċiżjoni tal-istewards ma kenitx daqshekk b’saħħitha, u tliet postijiet penalità għat-tellieqa li jmiss mhux ser ikollhom daqstant effett fuq l-Olandiż. Stewart qal li kieku ma kenitx għal halo li hemm installata fuq ras is-sewwieqa f’kull karozza, probabbli Hamilton kien iweġġa’ gravi jew saħansitra jmut.

Min-naħa tiegħu, Sir Lewis Hamilton qal li fi ġranet bħal tal-Ħadd jiftakar kemm huwa fortunat. Qal li jkun hemm biss millisekonda bejn tellieqa u sitwazzjoni tal-biża’. Qal li fit-tellieqa tal-Ħadd żgur kien hemm xi ħadd jipproteġih minn fuq, u semma’ kif beda jħoss xi uġigħ f’għonqu minħabba d-daqqa tat-tajer li qala’ fil-helmet.

Max Verstappen u Lewis Hamilton ser jerġgħu jaffaċċjaw lil xulxin fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Settembru meta jtellqu fil-Grand Prix ta’ Sochi, ir-Russja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA