Waterpolo
Sirens, San Ġiljan u Neptunes jirbħu l-logħbiet rispettivi tagħhom fil-BOV Cross Overs

BOV Cross Overs 2021

Otters Nivea  2-12  Sirens Mecca Marine 

Fl-ewwel logħba li ntlagħbet l-Erbgħa filgħaxija fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq, Sirens ħadu rebħa konvinċenti fuq Otters, 12-2. Otters żammew sodi sal-ewwel sessjoni meta r-riżultat kien 1-1, iżda minn hemm ‘il quddiem Sirens ħadu kontroll tal-logħba u rebħu t-tliet sessjonijiet ta’ wara 3-0, 3-1 u 5-0.

L-aqwa skorer għal Sirens kien John Napier li skorja 4 gowls.

Il-logħba kienet ikkontrollata minn Stefan Licari u Richard Magri.

 

San Ġiljan Mercury Towers  10-9  Sliema Frank Salt Real Estate

Fit-tieni logħba tal-ġurnata, li kienet waħda kumbattuta ħafna, San Ġiljan rebħu lir-rivali Sliema, bil-punteġġ ta’ 10-9. Il-Ġiljaniżi bdew tajjeb ħafna tant li l-ewwel sessjoni rebħuha 3-0. Fit-tieni sessjoni Sliema kienu aħjar, u fil-fatt ġew draw 4-4, bit-tielet sessjoni tkun mirbuħa mill-Islimiżi 2-0. Ir-raba’ u l-aħħar sessjoni wkoll intemmet f’parità, did-darba ta’ 3-3, għal riżultat finali ta’ 10-9.

L-aqwa skorers għal San Ġiljan kienu Matthew Zammit u Dino Zammit li skurjaw 3 gowls kull wieħed, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra Jerome Gabarretta, Matthew Mifsud u Nicholas Bugelli skurjaw żewġ gowls kull wieħed.

Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referees Ronnie Spiteri u Peter Balzan.

 

Neptunes WPSC  14-8  Valletta Izibet

Fl-aħħar logħba tal-ġurnata, Neptunes xejnu l-isfida tal-avversarji Valletta u rebħulhom 14-8. L-ewwel sessjoni ntemmet fi draw ta’ 1-1, u anke l-aħħar sessjoni spiċċat f’parità ta’ 3-3. Fis-sessjonijiet tan-nofs, Neptunes kienu aħjar u rebħuhom 5-3 u 5-1.

Għal Neptunes, Jake Muscat u Sam Gialanze skurjaw ħames gowls kull wieħed, filwaqt li Miguel u Nikolai Zammit skurjaw tlieta kull wieħed għal Valletta.

Ir-referees ta’ dan il-konfront kienu Massimo Angileri u Alex De Raffaele.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA