Waterpolo
Sliema Arkadia jirbħu n-Knockout tan-Nisa għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom

Finali tan-Knockout – Kampjonat BOV tan-Nisa

Sirens Mecca Marine Enterprises  8-10  Sliema Arkadia

Sliema rebħu n-knockout tan-nisa hekk kif fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq għelbu lil Sirens 10-8. Din kienet ir-raba’ darba fl-istorja tal-klabb Slimiż li rebħu n-knockout

Is-Slimiżi fetħu tajjeb meta rebħu l-ewwel sessjoni 4-3 u komplew ikabbru l-vantaġġ fit-tieni waħda meta rebħuha 4-1, għal riżultat parzjali ta’ 8-4. It-tielet sessjoni rebħuha wkoll 2-1, u kien biss fl-aħħar sessjoni li Sirens wettqu reazzjoni b’saħħitha u rebħuha 3-0. Dan ma kienx biżżejjed għal Sirens għaliex tilfu l-finali 8-10.

Francesca Paolella kienet strumentali għal Sliema meta waħedha skurjat nofs il-gowls tal-Islimiżi, ħamsa. Fuq in-naħa l-oħra, l-aqwa skorer ta’ Sirens kienet Elisa Amato li skurjat tliet gowls.

Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referees Richard Magri u Alessandro Severo.

Fi tmiem il-logħba saret il-preżentazzjoni tal-medalji u t-trofej minn Charles Azzopardi f’isem il-Bank of Valletta u Rita Azzopardi f’isem l-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA