Waterpolo
Sliema u Neptunes jieħdu rebħiet kbar kontra l-avversarji, b’Birżebbuġa jirbħu kontra l-ġirien

Round Preliminari – BOV Kampjonat tas-Sajf

Neptunes WPSC  25-6  Otters Nivea

Rebħa kbira għal Neptunes fuq Otters Nivea fl-aħħar logħba li ntlagħbet fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq, b’tal-ewwel jirbħu 25-6.

Neptunes rebħu kull sessjoni bla wisq diffikultà, 6-0, 7-2, 4-1, u 8-2.

L-aqwa skorer ta’ Neptunes kien Jake Muscat li skorja 6, filwaqt li Steven Camilleri skorja 5.

Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referees Neville Mercieca u Peter Balzan.

 

Marsaxlokk Browns  4-8  Birżebbuġa Freeport

Birżebbuġa għamluha għad-diviżjoni Premier meta għelbu lil Marsaxlokk fir-rawnd preliminari tal-BOV Kampjonat tas-Sajf.

Kienu x-Xlukkajri li bdew tajjeb meta rebħu l-ewwel sessjoni 1-0, imma Birżebbuġa ħadu l-logħba f’idejhom fiż-żewġ sessjonijiet ta’ wara u rebħuhom 4-2 u 3-0 rispettivament. Ir-raba’ u l-aħħar sessjoni ntemmet fi draw ta’ 1-1.

Għal Marsaxlokk l-erba’ gowls kienu skurjati minn plejers differenti, filwaqt li Christian Mifsud u Simon Vassallo skurjaw tnejn kull wieħed għal Birżebbuġa.

Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referees Ronnie Spiteri u Stefan Licari.

 

Sliema Frank Salt Real Estate  16-4  Exiles Ferretti

Rebħa komda għal Sliema li fit-tieni logħba tal-ġurnata għelbu lil Exiles 16-4. Is-Slimiżi rebħu tliet sessjonijiet minn erbgħa, bl-ewwel waħda tintemm 4-2, filwaqt li fit-tieni waħda spiċċaw 6-0, għal riżultat parzjali t’10-2. It-tielet sessjoni marret favur Exiles 2-1, imma fl-aħħar sessjoni s-Slimiżi reġgħu kienu fl-aqwa tagħhom u rebħuha 5-0 għal skor finali ta’ 16-4.

L-aqwa skorer għal Sliema kien Jerome Gabarretta li skorja 5 gowls, b’ħames plejers oħra jiskurjaw tnejn kull wieħed. Għal Exiles, Mark Fenech irnexxielu jsib ix-xibka darbtejn.

Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referees Massimo Angileri u Richard Magri.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA