Snooker
Snooker: “Meta nirbaħ jien, nieħu gost l-aktar għax inferraħ poplu sħiħ” – Brian Cini

Brian Cini mhux isem ġdid għall-isport Malti. Għall-isnooker lokali, forsi nistgħu nsejħulu l-aktar plejer ta’ importanza li għandha Malta f’dawn il-kampjonat dinjija li qed isiru f’pajjiżna fil-mument. Fil-ftit ħin li ltqajt miegħu għal din l-intervista, iż-żagħżugħ Żebbuġi ta’ 21 sena, għalkemm ma nissilx kelma ta’ dan, b’nofs daħka deher qisu konxju li l-poplu Malti u Għawdi qed jistenna ħafna minnu.

“Ngħidlek il-verità jitfgħuli ftit pressjoni żejda meta jgħiduli hekk. Imma nipprova nżomm ruħi konċentrat u kunfidenti. Nitħarreġ anki għal dawn ir-raġunijiet biex ma nħallix il-pressjoni tirbaħli. Fl-isnooker tgħallimt li l-plejer tajjeb irid juri l-aqwa tiegħu anki f’mumenti bħal dawn meta jkun taħt pressjoni,” jgħid Cini fl-ewwel kummenti tiegħu.

Brian Cini twieled fil-5 ta’ Settembru 1996 f’Ħaż-Żebbuġ. Beda l-logħba tal-isnooker seba’ snin ilu, meta kellu 13-il sena biss fil-Każin San Ġużepp, De Rohan. Fl-2016, ta’ 19-il sena sar Champion ta’ Malta tal-isnooker u fil-mument jinsab fil-pożizzjoni numru 3 fir-rankings lokali tal-isnooker.

Cini diġà lagħab l-ewwel żewġ logħbiet fil-Grupp tiegħu tas-Singles, kategorija li bdiet ilbieraħ u hi l-aktar waħda prestiġġjuża f’dan il-Malta World Snooker Federation Tournament, li qed isir f’The Dolmen Hotel, f’Buġibba, u li għandu organizazzjoni eċċellenti.

Rebaħ lil Mihau Vladu tar-Rumanija b’punteġġ ta’ 3-0 fl-ewwel logħba u lil Philip O’Connor tal-Irlanda bl-istess punteġġ. Għalkemm jonqsu jilgħab kontra Nicolly Christo tal-Brażil fl-aħħar logħba, hi ħaġa ċerta li l-logħba ta’ għada t-Tlieta kontra l-veteran ex-professjonali Darren Morgan ta’ Wales se tkun dik li tiddeċiedi min jirbaħ il-Grupp.

“Ma’ Darren Morgan inbassar li se tkun logħba viċin ħafna. Bħalissa qed inħossni kunfidenti u tajjeb. F’partiti bħal dawn trid ftit kuraġġ u qed inħossni rilassat ħafna wkoll. Nispera li nilgħab l-aqwa snooker possibbli.

“L-ewwel logħba ħassejtni ftit iebes. L-imwejjed kollha ġodda, pannu jmexxi aktar u dawl differenti ħafna minn kif aħna l-Maltin imdorrijin nilagħbu. Iżda fit-tieni logħba kont ħafna aħjar. Irnexxielhi nagħmel brejks ta’ 80 u 63,” qal Cini.

Brian Cini jgħid li dan kien tournament li ilu jistennih ħafna. Fl-aħħar xhur kellu ħafna safar iżda xejn ma jagħtih emozzjoni daqs meta jilgħab f’Malta quddiem sħabu u l-pubbliku Malti. Jgħidli li f’dawn l-aħħar xhur tħarreġ bejn tlieta u erba’ sigħat kuljum.

“Tournament bħal dan sabiħ ħafna anki għall-plejers żgħażagħ. Ma nistax ma nfaħħarx l-akkademja tal-isnooker li se ssir f’pajjiżna bis-saħħa ta’ SportMalta. Kienet xi ħaġa li ilna nistennew ħafna u issa, bis-saħħa tal-Onorevoli Clifton Grima, Segretarju Parlamentari għall-Isport u Dr Chris Bonett, Aġent Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, se ssir. Ma rridux ninsew li aħna l-plejers Maltin dejjem tħarriġna fil-każini u forsi għalhekk li kellna nuqqas ta’ plejers ta’ livell f’dawn l-aħħar snin. Ma nistax nifhem kif ġenituri tat-tfal jistgħu joqgħodu jibgħatu lil uliedhom għat-taħriġ ta’ kuljum fil-każini,” qal Cini.

Nistaqsi lil Cini x’kien is-sigriet ta’ kif sploda l-livell tiegħu fl-aħħar snin.

“Nammetti li l-livel tiegħi żidtu hekk fiż-żmien li għamilt ngħix fl-Ingilterra. Hemmhekk kont inkun kuljum ma’ Tony Drago u kien ilaqqagħni ta’ kuljum ma’ plejers kbar fid-dinja tal-isnooker fosthom Jimmy White u Michael Georgeov ta’ Ċipru. Bħalissa, l-aqwa taħriġ qed nieħdu ma’ sieħbi Philip Ciantar.

“Tony Drago kien importanti ħafna għall-karriera tiegħi. Tagħni l-kunfidenza fil-logħba li kellhi bżonn. Dik li ta’ kuljum kont nara plejers kbar ikellmuni u jsiru ħbieb tiegħi kienet ta’ stimolu kbir għalija.

“Fit-taħriġ tiegħi Drago kien isegwini kuljum. Meta kien jarani nilgħab kolp ħażin kien iwaqqafni u jgħidli fejn qed nagħmel ħażin. Ma kien jiddejjaq xejn jgħallimni u ta’ dan nibqa’ obbligat lejh għal għomri. M’hemmx dubju li Tony Drago l-aqwa plejer li qatt kellha Malta fl-isnooker. Biex għamel snin twal mal-aqwa 10 plejers fid-dinja hi prova biżżejjed ta’ dan kollu,” jgħidli Brian Cini.

L-isnooker tibqa’ logħba tal-Maltin. Huma ħafna dawk li jsegwu anki jekk mhux dilettanti kbar tal-logħba, imma anki għax jafu li l-plejers Maltin jistgħu jaslu f’livelli internazzjonali. Imma għala din il-ġibda kollha għal din il-logħba?

“Niltaqa’ ma’ ħafna nies u jgħiduli li jħobbu jsegwu l-isnooker. Forsi għax is-suċċessi li ġabu f’pajjiżna plejers bħal Drago, Pawlu Mifsud u Alex Borg kabbru l-popolarità tal-logħba f’Malta fil-passat u dan baqa’ b’saħħtu sal-lum,” jgħid Cini.

Imma Brian Cini, joħlom li jirbaħ dan it-tournament tas-Singles li bih jikkwalifika għal mal-plejers professjonali?

“Tkun ħolma. Tkun xi ħaġa speċjali għalija. U nifraħ aktar għax kieku sseħħ, ir-rebħa tiegħu tagħti ferħa kbira lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Tagħti ferħa kbira lil dawk il-persuni l-aktar viċin tiegħi f’ħajti bħat-tfajla Kimberly u l-kumplament tal-familja tiegħi. U tferraħ ukoll liż-Żebbuġin l-aktar tal-Każin San Ġużepp De Rohan li ta’ kuljum iħalluni nitħarreġ mingħajr ħlas.”

Sar il-ħin. Brian irid imur jitħarreġ għal-logħba importanti ta’ għada kontra Darren Morgan u għal kumplament tat-tournament. Qabel ma nsellmu lil xulxin jgħidli li l-aqwa plejer li qatt rat id-dinja fl-isnooker hu Ronnie O’Sullivan.

Nasal biex naqbel miegħu, iżda ‘The Rocket’ ilu snin segwiet minn sponsors ta’ miljuni kbar li komplew għenuh jiżviluppa t-talent enormi li għandu għal-logħba. L-informazzjoni tiegħi hi li Cini m’għandux sponsor wieħed biex jgħinu u xorta rnexxielhu jasal fejn wasal bil-kapaċitajiet tiegħu.

Awguri Brian!

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Snooker

Brian Cini rebaħ il-kampjonat nazzjonali tad-diviżjoni premier tas-snooker organizzat mill-Malta Billiards and Snooker Association. Cini għeleb lil Aaron Busuttil 6-5 f’finali ferm eċċitanti quddiem pubbliku numeruż, fosthom l-eks plejer professjonali…

Futbol lokali

L-Aħbarijiet Sportivi tas-Sibt 24 ta’ Marzu

Snooker

Is-Seed Numru 1 Adam Stefanów tal-Polonja, li aktar kmieni fil-kompetizzjoni elimina lill-Malti Duncan Bezzina, huwa l-ewwel finalista tat-Tournament Mixed Gender fil-kampjonati inawgurali tad-dinja għall-amateurs li qed ikunu organizzati hawn Malta…

Aktar