Futbol internazzjonali
Solskjaer iħeġġeġ lil Pogba biex ikun effiċjenti kif kien fir-rebħa t’Old Trafford mingħajr fanfarunati żejda

Il-maniġer ta’ Manchester United, Ole Gunnar Solskjaer, ħeġġeġ lill-Franċiż Paul Pogba sabiex jieqaf jiffanfra waqt il-logħob u jerġa’ joffri wirja effiċjenti u spettakolari kif għamel fir-rebħa t’4-1 kontra Bournemouth il-Ħadd filgħaxija. Din kienet it-tielet rebħa infila tal-United minn meta Solskjaer ħa t-tim f’idejh sa tmiem l-istaġun u għalkemm ir-Red Devils jinsabu 8 punti ‘l bogħod mir-raba’ post, li jfisser post fil-UEFA Champions League, kollox jindika li hemm qawmien ġdid fil-ħomor ta’ Manchester u allura ma tkunx sorpriża jekk fi ftit tal-ġimgħat oħra huma wkoll ikunu qegħdin direttament jikkompetu mat-timijiet ta’ fuq.

Minn mindu l-Portugiż José Mourinho kien imkeċċi minn Old Trafford, it-tim ta’ Manchester United ħa ħajja ġdida u l-logħob li qiegħed jintlagħab issa huwa dak mistenni minn tim tal-kalibru tar-Red Devils. Paul Pogba, li r-relazzjoni tiegħu ma’ Mourinho kienet messet il-qiegħ, issa jidher li qiegħed juri l-vera kapaċitajiet tiegħu, u dan wara li kien strumentali fit-tliet rebħiet li l-United rebħu minn mindu Solskjaer ħa t-tim f’idejh.

Pogba kien sfortunat li ma skurjax l-ewwel hattrick tal-karriera tiegħu, meta wara li skorja darbtejn fl-ewwel taqsima, lejn tmiem il-logħba laqat il-wieqfa, u b’hekk kellu jikkuntenta biż-żewġ gowls.

Fil-kummenti li ta wara l-logħba, il-maniġer Solksjaer qal, “Kienet wirja eċċelenti minn plejer ta’ nofs il-grawnd għaliex kienet kompluta: ix-xogħol li għamel, perikoluż fil-kaxxa, bla ebda fanfarunati żejda. Kienet logħba effiċjenti u Paul jaf li jkun fl-aqwa tiegħu meta jilgħab effiċjenti.”

Id-differenza fl-aħħar 12-il ġurnata minn meta tkeċċa Mourinho tinħass sew fid-dressing room f’Old Trafford, u hemm min diġa’ qiegħed jipproġetta li jekk kollox jibqa’ sejjer kif inhu, Solskjaer jingħata kuntratt li jmur lil hemm mill-aħħar ta’ Mejju li ġej. Anke Pogba, il-plejer li kien mistenni jħalli lill-Manchester UTD fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, jidher li ser jibqa’ f’Old Trafford.

Fil-kummenti li ta wara l-logħba, il-plejer ta’ nofs il-grawnd Franċiż qal, “Aħna Manchester United u hemm bżonn li nkunu fil-quċċata tal-klassifika. Din hija r-reazzjoni tal-plejers u kull plejer qiegħed iħossu komdu fit-tim. Hija differenti, mal-maniġer ta’ qabel xorta waħda konna nirbħu l-logħob imma dan huwa stil differenti ta’ futbol, qed inkunu aktar offensivi u qegħdin noħolqu aktar ċansijiet ta’ skor, u dan huwa l-mod kif irridu nilagħbu.”

Manchester UTD skurjaw 12-il gowl fi tliet logħbiet, u Solskjaer dejjem qiegħed jinsisti li hu qiegħed jipprova jgħin lill-plejers iħossu dak li kien iħoss hu meta kien jilgħab taħt Sir Alex Ferguson, fil-11-il staġuni li għamel f’Old Trafford.

Il-United issa jridu jmorru għand Newcastle fit-2 ta’ Jannar, fil-21 ġurnata tal-Kampjonat Premier Ingliż, bit-tama li Solskjaer jibqa’ bla telfa f’dan il-perjodu delikat fil-futbol Ingliż, meta kull tim jilgħab diversi logħbiet fi spazju qasir ta’ ġranet.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

It-tim ta’ Barcelona ħabbru li ffirmaw lil Kevin-Prince Boateng mingħand it-tim ta’ Sassuolo. Għalissa t-tim Katalan ħa lill-plejer Boateng b’self sa tmiem l-istaġun, imma jistgħu jagħmlu t-trasferiment permanenti għal €8…

Futbol internazzjonali

Fil-logħba li biha ngħalqet l-20 ġurnata tas-Serie A fl-Italja, Juventus ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0, biex b’hekk s’issa huma rebħu 18-il logħba u ġew dro tnejn f’dan l-istaġun. It-tim t’Allegri…

Futbol internazzjonali

Fil-partita li ntlagħbet iktar kmieni, Milan barra minn darhom għelbu lil Genoa bi skor ta’ 2-0. Borini fetaħ l-iskor fit-72 minuta u Suso rdoppja fit-83 minuta. Illejla, fit-20.30, Juventus jilqgħu…

Futbol internazzjonali

Il-logħba tal-bieraħ filgħaxija bejn Napoli u Lazio ma kienet xejn feliċi għall-plejer Francesco Acerbi, għax mhux talli t-tim tiegħu kien fuq in-naħa telliefa, imma hu spiċċa mkeċċi fl-aħħar 20 minuta…

Aktar