Sport Malta Awards – Claudio Cassar u Sue Abela l-aqwa sportivi fl-2014

Sport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali

Iċ-ċampjin tad-dinja tal-Eight Ball Claudio Cassar rebaħ l-unur tal-Isportiv tas-Sena waqt l-erbgħa u ħamsin edizzjoni tal-iSport Malta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali li saru s-Sibt fil-għaxija fil-lukanda Corinthia f’H’Attard.

Sue Abela tat-Ten Pin Bowling rebħet l-unur tal-Isportiva tas-Sena.

Unuri oħra mirbuħa kienu mit-Tim Nazzjonali tal-Waterpolo li rebaħ il-kategorija Tim tas-Sena, waqt li l-kowċ tal-istess Tim Nazzjonali tal-Waterpolo Karl Izzo rebaħ l-unur ta-kowċ tas-sena wara taqtiegħa ħarxa fil-votazzjoni mal-kowċ Nazzjonali tal-futbol, it-Taljan Pietro Ghedin.

L-uffiċjal tal-MFA Joe Cassar rebaħ l-unur ta’ uffiċjal tas-sena, bit-tiratur Nathan Lee Xuereb jirbaħ żewġ unuri tul is-serata, dak ta’ żagħżugħ tas-sena, u anke l-Peoples Choice Award.

L-unur ta’ żagħżugħa tas-sena ntrebaħ minn Sara Xuereb tal-Bowling.

Sadanitant l-MFA rċievet unur speċjali għal mod professjonali u kajman li bih organizzat b’suċċess il-Kampjonat Ewopew ta’ taħt is-sbatax-il sena tal-UEFA f’Mejju li għadda, waqt li kien hemm rikonoxximent ukoll għal koppja tal-iSpecial Olympics, Jonathan Borg u Charmaine Mifsud.

Ir-referi Mario Apap rebaħ l-unur tal-aqwa atleta Għawdxi fl-elfejn u erbatax.

Waqt is-serata kien hemm numru ta’ diskorsi fosthom tas-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ u sport Chris Agius, li elenka uħud mill-proġetti li hemm ippjanati għaż-żmien li ġej biex l-isport f’pajjiżna jkompli jikber.

Fost dawn semma korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel li tkun l-aqwa fil-Mediterran, u l-proġett ambizzjuż ta’ ranges ġodda tal-Isparar li permezz tagħhom pajjiżna jkun jista jilqa avvenimenti nternazzjonali tal-ogħla livell.

Miktub minn...
Rodney Vassallo