Local Sports
SportMalta tniedi l-programm ‘On the Move’ għax-xitwa

Wara s-suċċess li kellu l-programm Summer OnTheMove matul is-sajf, għal sena oħra, SportMalta qed tniedi l-programm għall-istaġun tax-xitwa.

Għal matul l-istaġun tax-xitwa, il-programm se jkun qed joffri iktar opportunitajiet biex tfal u adulti ikunu attivi fiżikament u jipprattikaw l-isport favorit tagħhom. Matul dan il-programm ser ikunu qed jissaħħu l-akkademji biex jingħataw iktar opportunitajiet lit-tfal kollha biex jilħqu livelli għola fl-isport.

L-għan ta’ SportMalta hu li kull tifel u tifla ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport irrispettivament mir-riżorsi tal-ġenituri u ta’ min jieħu ħsiebhom biex b’hekk inkunu nistgħu niżguraw ġenerazzjoni iktar attiva u b’saħħitha.

Minbarra l-programm tax-xitwa OnTheMove, SportMalta qiegħda tniedi wkoll kampanja sportiva u edukattiva għall-pubbliku.

Il-kampanja tikkonsisti f’numru ta’ filmati b’temi differenti, liema filmati juru eżempji u possibbiltajiet ta’ kif tkun attiv permezz tal-isport u l-edukazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess li kellu l-programm Summer OnTheMove. Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li għall-programm tax-xitwa diġà kienu sottometti 1,000 applikazzjoni.

Dr Clifton Grima rrimarka kif dawn il-programmi minbarra li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-attiviżmu sportiv minn etajiet żgħar, jibgħatu l-messaġġ li l-isport huwa għal kulħadd irrispettivament mill-etajiet u mir-riżorsi tal-persuna.

Miktub minn...
TVM Sport