Local Sports
SportMalta tqassam €5M mill-NDSF lil għaxar assoċjazzjonijiet sportivi bi tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023

SportMalta qassmet investiment ta’ €5 miljun mill-NDSF lil 10 assoċjazzjonijiet sportivi biex jibdew it-taħriġ tal-atleti Maltin għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023 li se jsiru f’pajjiżna.

Il-ftehim biex jgħaddu dawn il-fondi ġie ffirmat illum fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima u tas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li SportMalta diġà investiet f’infrastruttura kif ukoll faċilitajiet ġodda sportivi li jistgħu jitgawdew minn kulħadd. Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ dan l-investiment finanzjarju, li se jservi bħala spinta u preparazzjoni għall-atleti Maltin qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta fis-sena 2023, se jkompli jikkonferma kemm il-Gvern huwa ta’ spalla għall-atleti u l-organizzazzjonijiet sportivi u li l-aspirazzjonijiet ta’ tant atleti se jkunu jistgħu jintlaħqu.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-ċittadinanza u l-komunitajiet Alex Muscat, saħaq li l-investiment ta’ €5 miljun li l-aġenzija NDSF għamlet fl-atleti Maltin huwa xempju tal-ġid li qed jinħoloq minn programmi Maltin li jattiraw investiment barrani dirett. Filwaqt li awgura lill-atleti, Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat reġa’ tenna l-impenn li jibqa’ jattira lejn Malta l-investiment dirett barrani li qed isarraf f’tant benefiċċji għal pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega li r-rekord ta’ assistenza li ġie mogħti llum huwa investiment u fiduċja fl-atleti kollha.

Id-dixxiplini sportivi li ngħataw l-għajnuna huma atletika, basketball, ġudo, rugby, ibburdjar, sparar, squash, għawm, table tennis, u tennis.

Miktub minn...
TVM Sport