Futbol internazzjonali
Stefan Kuntz maħtur kowċ tat-tim nazzjonali Tork

Il-kowċ tat-tim Ġermaniż tal-U21 Stefan Kuntz, huwa l-kowċ il-ġdid tat-Turkija. Il-Federazzjoni Torka tal-Futbol xejn ma kienet kuntenta bit-tmexxija ta’ Senol Gunes, u wara ftehim reċiproku ħalla postu biex seta’ jidħol Kuntz.

It-tneħħija ta’ Gunes waslet il-ġimgħa li għaddiet wara t-telfa kbira tat-Torok kontra l-Olandiżi. Fl-Amsterdam Arena t-Turkija tilfet 1-6 kontra l-Olanda. B’din it-telfa t-Turkija niżlet fit-tielet post tal-klassifika ta’ Grupp G u bdew iqumu numru ta’ mistoqsijiet kemm it-tim nazzjonali ser jirnexxielu jagħmilha għat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar 2022.

Stefan Kuntz għandu 58 sena, u fil-passat kien jilgħab bħala attakkant ma’ Besiktas. Fit-tmexxija tiegħu taż-żgħażagħ Ġermaniżi, wassalhom sabiex jirbħu t-titlu Ewropew fl-2017 u l-2021.

Kuntz ma tantx għandu ċans jipprepara lit-tim il-ġdid tiegħu għaliex fit-8 t’Ottubru jaffaċċja lin-Norveġja f’logħba oħra ta’ kwalifikazzjoni.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA