Futbol lokali
Stefan Sultana u David Camilleri lura ma’ Hamrun Spartans bħala assistant kowċ u team manager

L-ex plejers ta’ Hamrun Spartans Stefan Sultana u David Camilleri se jkunu l-assistant kowċ u t-team manager tal-iskwadra, rispettivament.

Il-ftehim bejn l-ex żewġ plejers tas-Snin ’80 u ‘90 ta’ Hamrun Spartans u l-imprenditur Joseph Portelli, intlaħaq fl-aħħar sigħat, bit-tnejn li huma li għoġobhom il-proġett il-ġdid tal-klabb.

Sultana hu l-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-futbol Malti u dejjem baqa’ viċin il-klabb u jaħdem fis-settur tan-nursery. Hu kien diġà assistant kowċ tal-Ispartans, fl-istaġun 2018/19, taħt il-kowċ Giovanni Tedesco.

David Camilleri hu wkoll ex plejer ta’ ċertu importanza għall-Ħamruniżi. TVMSport jinsab infurmat li Camilleri ġie offrut din il-kariga minn Portelli, liema kariga aċċetta li jimla.

Sorsi ta’ TVMSport ikkonfermaw li Camilleri diġà tkellem mal-President tal-MFA Bjorn Vassallo u nfurmah li ma kienx se jibda fil-kariga ta’ team manager tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, li nħatar fiha ftit tax-xhur ilu.

Il-proġett ta’ Portelli għal Hamrun Spartans qed jinteressa lil ħafna, tant li fl-aħħar jiem, diversi plejers ta’ stoffa u kalibru wrew l-interess li jilagħbu bil-flokk aħmar u iswed.

Juan Carlos Corbolan, il-plejer nazzjonali ta’ 23 sena hu xi ħaġa ċerta ta’ Hamrun Spartans. Fl-aħħar sigħat intlaħaq ftehim verbali bejn Portelli u Sharlon Pace, President ta’ Gżira Utd, li se jkun qed iġib fil-Ħamrun lil iben Miguel, plejer tal-ispartans tas-Snin ’80.

Plejer ieħor li jinsab viċin ħafna hu l-attakkant Niġerjan – Malti, Ige Adeshina ta’ Sirens li mistenni jingħaqad ma’ Hamrun il-ġimgħa d-dieħla.

Miktub minn...
TVM Sport