Futbol internazzjonali
Stennija dwar il-futur ta’ Ole Gunnar Solskjaer … diġà beda jissemma’ Antonio Conte

Il-futur tal-manager ta’ Manchester United Ole Gunnar Solskjaer jidher imċajpar għall-aħħar wara t-telfa umiljanti f’Old Trafford kontra Liverpool il-Ħadd kmieni filgħaxija. Manchester United sofrew telfa kbira ta’ 5-0, b’Mohamed Salah jiskorja hat-trick, u numru kbir ta’ partitarji tar-Red Devils bdew iħallu t-Theatre of Dreams sa mill-65 minuta.

Biss il-konfront kontra t-tim ta’ Jurgen Klopp ma kienx l-uniku diżappunt għall-ħomor ta’ Manchester. Mill-aħħar disa’ logħbiet huma tilfu ħamsa u ilhom ma jirbħu fil-Premier League għall-aħħar erba’ logħbiet.

Wara sajf li fih Manchester United kienu involuti sew fis-suq tat-trasferimenti, ħafna stennew li kienu ser jiġġieldu għat-titlu, imma l-inkonsistenza fit-tim wasslet li bil-mod il-mod il-mira tar-rebħ tal-kampjonat qed tmut bil-mod il-mod. F’sajf li fih Manchester United investew f’Jadon Sancho, Raphael Varane u Cristiano Ronaldo, żgur ma kenux qed jistennew li fl-aħħar żewġ logħbiet ikunu qalgħu disa’ gowls u diġà jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika, 6 punti taħt ir-rivali Manchester City li jinsabu t-tielet.

Id-Direttur Maniġerjali Richard Arnold jidher li kkanċella l-appuntamenti kollha li kellu għat-Tnejn u dan sabiex jitkellem ma’ Joel Glazer dwar il-futur ta’ Solskjaer. Għalkemm meta kien ingaġġat ħafna partitarji ħassew li dan kien ingaġġ tal-ħolm, għax lil Solskjaer baqgħu jħobbuh minn żmienu bħala plejer, issa huma ħafna dawk li qed jitolbu li jitneħħa.

Jidher li għalkemm kien hemm numru ta’ plejers ta’ Manchester United li fuq il-midja soċjali skużaw ruħhom mal-partitarji għall-wirja fqira kontra Liverpool, hemm numru ta’ plejers oħra li qed jistaqsu kemm Solskjaer jista’ jwassalhom għas-suċċess.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet wara l-logħba kontra Liverpool, Solskjaer qal li dik kienet l-akbar daqqa għalih bħala manager tar-Red Devils, imma sostna li huwa l-persuna idonea li jmexxi lit-tim ‘il quddiem fit-triq tas-suċċess. Manchester United imisshom konfront iebes away f’Londra kontra Tottenham Hotspur, imbagħad wara jmorru l-Italja sabiex jaffaċċjaw lil Atalanta fiċ-Champions League, qabel jirritornaw l-Ingilterra u jilagħbu d-derby ta’ Manchester.

Fl-Ingilterra diġà bdew ħerġin xnigħat li Solskjaer ma jwassalx sal-logħba kontra l-Ispurs, filwaqt li oħrajn qed jgħidu li dak ser ikun l-aħħar ċans għan-Norveġiż. Rapporti fil-midja Ingliża qed jgħidu li diġà hemm interess qawwi fl-ex kowċ ta’ Chelsea, Juventus u Inter, Antonio Conte, u milli jidher anke hu jinsab interessat jekk kemm-il darba s-siġġu jiġi vakat.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA