Boxing
Stennija għall-ġlieda ta’ nhar is-Sibt bejn Joshua u Usyk

Il-boxers tal-heavyweight Anthony Joshua u Oleksandr Usyk ħadu sehem f’taħriġ quddiem il-pubbliku qabel il-ġlieda li għandhom fi tmiem din il-ġimgħa.

Joshua, li għandu 31 sena, ser ikun qed jiġġieled biex iżomm it-titli tad-WBA, IBF, WBO u IBO fl-istadium ta’ Tottenham Hotspur, f’Londra. Il-ġlieda kontra Usyk hija mandatorja sabiex iżomm it-titli u dan kollu ser iseħħ is-Sibt li ġej.

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Boxing ordnat lil Joshua biex jiddefendi t-titlu kontra l-Ukren Usyk wara li l-Brittaniku ma ġġilidx kontra Tyson Fury minħabba li tal-aħħar kien ordnat jiġġieled kontra Deontay Wilder.

Kemm Joshua u Usyk rebħu midalji tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Tokjo, tal-ewwel fis-super-heavyweight u tal-aħħar fil-heavyweight.

Usyk, li għandu 34 sena, s’issa għadu qatt ma ġie megħlub fi ġlieda professjonali, u wasal Londra nhar it-Tnejn li għadda sabiex jagħmel l-aħħar preparamenti qabel il-ġlieda tas-Sibt li ġej.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA