Futbol lokali
Stennija għall-votazzjoni tal-Kunsill tal-MFA … klabbs jgħidu tagħhom waqt TVAM

Dawk li mistennija jivvutaw fil-Kunsill tal-MFA ser isibu quddiemhom tliet mistoqsijiet li ser jiddeċiedu x’ser jiġri mill-kampjonati domestiċi mhux biss f’Malta imma anke f’Għawdex. Il-mistoqsijiet jirreletaw mar-relegazzjoni, rebħ ta’ kampjonat, kif ukoll il-kampjonati t’Għawdex.

L-ewwel mistoqsija tirrigwarda r-relegazzjoni, bil-votanti jridu jiddeċiedu jekk:

  • l-eżiti matematikament deċiżi jiġu segwiti; jew
  • minkejja l-eżiti matematikament deċiżi, ma jkun hemm l-ebda relegazzjoni minn kwalunkwé Kampjonat.

Din id-deċiżjoni hija importanti ħafna għal Tarxien Rainbows għaliex huma l-uniku tim matematikent relegat f’dan l-istaġun. Ir-Rainbows qegħdin fl-aħħar post tal-klassifika b’4 punti, 19-il punt taħt Santa Lucia li jinsabu fit-12-il post, u għalhekk Tarxien kienu diġà matematikament relegati għall-Ewwel Diviżjoni. Kif inhuma l-mistoqsijiet jidher li jekk il-vot ikun favur li tiġi esegwita d-deċiżjoni matematika, allura Tarxien jiġu relegati, imma jekk il-vot jiddeċiedi li ma jkun hemm l-ebda relegazzjoni, ir-Rainbows jibqgħu Premier għall-istaġun li ġej.

It-tieni mistoqsija hija dwar ir-rebħ tal-Kampjonat f’kull diviżjoni:

  • Għandhom il-klabbs li jinsabu fl-ewwel post tal-Kampjonati organizzati mill-Malta Football Association, minkejja li kienu tterminati b’mod prematur, isiru Champions tal-Kampjonati rispettivi?

Matul il-programm TVAM inħolqot diskussjoni interessanti dwar din il-mistoqsija. Gerard Ellul, it-Team Manager ta’ Valletta FC, għamilha ċara li kif ilhom jisħqu għal dawn l-aħħar ġimgħat, it-tim tal-kapitali qed isostni li ċ-champions jiġu ddikjarati fil-grawnd u mhux fuq il-mejda, u minħabba li kien fadal sitt logħbiet għat-tmiem l-istaġun u kollox seta’ jiġri, Valletta ma jaqblux li jkun hemm champion. Min-naħa l-oħra, Gerard ikkonferma li ma jsibux oġġezzjoni li Floriana jipparteċipaw fil-UEFA Champions League l-istaġun li ġej għaliex huma kienu l-ewwel meta ġie tterminat l-istaġun, imma min-naħa l-oħra, bi 3 punti biss fuq Valletta, il-Greens ma jistgħux ikunu ddikjarati champions.

Mhux tal-istess fehma kien il-President ta’ Senglea Athletic Reuben Debono li għamilha ċara li ser ikunu qed jivvutaw favur li jiġu ddikjarati champions t-timijiet li jinsabu fl-ewwel post ta’ kull diviżjoni. Dan ifisser li Floriana jkunu ddikjarati champions tal-Premier, Żejtun Corinthians tal-Ewwel Diviżjoni, Marsa tat-Tieni Diviżjoni u Attard tat-Tielet Diviżjoni.

Joseph Gauci, il-President ta’ Żejtun Corinthians qal li l-interess speċifiku tal-klabb hu li fl-istaġun li ġej jilagħbu Premier, imma ma kkomettiex ruħu dwar ir-rebħ tal-kampjonat. Għalkemm ikkonferma li jkun kuntent jekk il-Corinthians ikunu ddikjarati champions, l-ewwel għan tal-klabb hu li fl-2020/21 ikunu qed jilagħbu mal-aqwa timijiet tal-pajjiż.

It-tielet mistoqsija li trid tiġi mwieġba fil-vot tal-lum waranofsinhar hija dwar il-futbol f’Għawdex:

  • Għandu l-eżitu sportiv tal-Kampjonati tal-Gozo FA 2019/20 ikun dak maqbul bejn il-klabbs Għawdxin u l-GFA suġġett għad-deċizjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv li ma jistgħux jintlagħbu play-offs u play-outs?

Meta ġie tterminat l-istaġun Għawdxi, il-klabbs u l-GFA kienu qablu li Nadur Youngsters u Sannat Lions għandhom ikunu ddikjarati champions tal-kampjonati rispettivi tagħhom. Barra minn hekk kien hemm qbil ukoll li ma jiġi relegat l-ebda tim mill-Ewwel Diviżjoni filwaqt li l-ewwel tneujn tat-Tieni Diviżjoni jkunu promossi.

Id-deċiżjonijiet mistennija jittieħdu mill-16:30 ‘il quddiem, fejn permezz ta’ votazzjoni sigrieta virtwali, il-votanti jridu jirrispondu l-mistoqsijiet imressqa mill-MFA.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Sitt gowls ta’ Zvezdan Vukovic għenu lil White Eagles jirbħu s-Super Cup  organizzata mill-Malta MiniFootball Association meta fil-grawnd tal-Marsa huma għelbu lil United Stars bl-iskor ta’ 10-7. Din kienet l-aħħar…

Futbol lokali

Il-plejer internazzjonali ta’ Malta tat-tim tan-nisa Emma Louise Lipman ingħaqdet mal-klabb Taljan ta’ Lazio. Lipman iffirmat kuntratt ta’ sena, b’opzjoni li jiġġġedded. Lipman twieldet fl-Ingilterra iżda għanda dixxendenza Maltija u…

Futbol lokali

L-ex plejer ta’ Hamrun Spartans, il-Brażiljan Leandro Motta, se jkun qed jilgħab fil-flokk ta’ Santa Lucia mill-istaġun li ġej. Motta kien lagħab ma’ Hamrun Spartans taħt it-tmexxija tal-kowċ Jacques Scerri….

Futbol lokali

L-ex plejer ta’ Hibernians, Sliema Wanderers u Gudja Utd, Jackson Lima sar plejer tal-klabb tal-Ewwel Diviżjoni Marsa. Il-midfielder Brażiljan, fl-istaġun li għadda lagħab f’Għawdex ma’ Xewkija Tigers FC. Lima ta’…

Aktar