Futbol internazzjonali
Steve Bruce m’għadux manager ta’ Newcastle United bi qbil bejn il-partijiet

Tiġi fi tmiemha l-esperjenza tal-manager Steve Bruce ma’ Newcastle United. Mill-informazzjoni li ħierġa minn Tyneside jidher li l-klabb u l-manager qablu li kulħadd imur fuq triqtu, bi Graeme Jones inħatar bħala manager interim.

Il-kitba kienet fuq il-ħajt għal Bruce meta Newcastle nxtraw mill-konsorzju tal-Arabja Sawdija. Steve Bruce, li għandu 60 sena, kellu biċċa xogħol diffiċli biex jimla ż-żarbun ta’ Rafa Benitez li kien maħbub ħafna mill-partitarji. Fit-tmexxija ta’ Bruce, il-Magpies għadhom bla rebħa matul dan l-istaġun.

Fi stqarrija maħruġa mill-klabb aktar kmieni dalgħodu, intqal li wara sentejn ma’ Newcastle United, ġie deċiż li Steve Bruce jħalli l-klabb. Issa kibret l-istennija dwar min ser jieħu lit-tim tat-Toons f’idejh, bl-ismijiet ta’ Lucien Favre, Eddie Howe, Steven Gerrard u Paolo Fonseca l-aktar li qed jissemmew. Ismijiet oħra li ssemmew huma ta’ Antonio Conte u Roberto Martinez.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA