Formula 1
Stqarrija rari mill-familja ta’ Michael Schumacher

Il-familjari tal-leġġenda fil-Formula 1 Michael Schumacher, ħarġu stqarrija rari ħafna wara li kien imniedi poster sabiex jinġabru flus għall-Keep Fighting Foundation. Schumacher kien weġġa’ lura għall-2013 meta kien qiegħed jiskija u kien imraqqad f’koma medika. Minn dak iż-żmien ‘l hawn il-familja ta’ Michael Schumacher għamlet dak kollu possibbli biex tiġi salvagwardjata l-privatezza tiegħu, u ftit ħarġu dettalji dwar il-kundizzjoni tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin.

Il-maniġer ta’ Michael Schumacher, Sabine Kehm qalet li l-poster, li fih jidher il-leġġenda tal-Formula 1 jsuq il-Ferrari lura għas-sena 2000, kien l-aħjar mezz sabiex tiġi ċċelebrata l-karriera ta’ dan is-sewwieq ċelebri. Qalet li l-familja Schumacher tinsab onorata li ngħaqdet mal-kumpanija ZOOM sabiex jinġabru fondi b’risq il-Keep Fighting Foundation.

Din il-Fondazzjoni qiegħda toħloq din l-inizjattiva sabiex tħeġġeġ lil kulħadd sabiex jibqa’ jiġġieled, u li ħadd ma’ jaqta’ qalbu, attitudnijiet inspirati mill-istilla Michael Schumacher. Din il-Fondazzjoni tippromwovi l-kultura, l-edukazzjoni u l-iżvilupp, ix-xjenza, is-saħħa pubblika u l-motivazzjoni. Kehm qalet li għalkemm il-kundizzjoni ta’ Schumacher tibqa’ xi ħaġa privata, il-messaġġ permezz tal-poster tiegħu huwa tfakkira tal-isfidi li qiegħed jiffaċċja Michael kuljum.

F’Awwissu li għadda, il-magażin Franċiż “Paris Match” kien żvela li kultant Michael Schumacher jibki meta jħares ‘il barra lejn ix-xenarju li għandu fix-xmara ta’ Geneva, fejn qiegħed jirriabilita ruħu. Jidher li għadhom għaddejjin it-tentattivi sabiex Michael Schumacher jerġa’ jikseb il-memorja, jew permezz tal-ħsejjes tal-karozzi tal-Formula 1, kif ukoll jittieħed għal dawriet bil-karozza madwar il-villa fejn joqgħod.

Iben Michael Schumacher, Mick, jidher li miexi fuq il-passi ta’ missieru, meta x-xahar li għadda huwa sar l-ewwel sewwieq Ġermaniż li qatt rebaħ il-Formula 3, u jekk irid jista’ jibda jtellaq fil-Formula 1 sa mis-sena li ġejja. Imma t-tim tiegħu qal li Schumacher iż-żgħir ser ikun qiegħed itellaq fil-Formula 2 fl-2019, bil-possibiltà li jtellaq fil-Formula 1 fl-2020.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Formula 1

Is-sewwieqa Ġermaniza tal-Formula 3, Sophia Floersch, weġġgħet serjament ix-xewka ta’ dahrha wara inċident ikrah waqt il-Grand Prix famuż ta’ Macau. Is-sewwieqa tat-tim Van Amersfoort, tilfet il-kontroll tal-karozza hi u diehla…

Formula 1

Dan huwa l-verdett tas-sewwieq tal-Force India, Sergio Perez, li skontu l-isport tal-Formula 1 m’għadux attreanti kif kien meta hu kien għadu żagħżugħ. Skont Perez, wara l-aħħar tellieqa tal-istaġun, l-isport tal-Formula…

Formula 1

L-ex sewwieq tal-Formula 1, Jos Verstappen, ħareġ jiddefendi lil ibnu Max wara dak li nqala’ fil-Grand Prix tal-Brażil il-Ħadd li għadda. F’Interlagos, Max Vertsappen kien fuq quddiem u kien jidher…

Formula 1

F’Interlagos, il-Brażil, iċ-ċampjin Lewis Hamilton ġietu tajba biex rebaħ din it-tellieqa wara li Max Verstappen spiċċa ħabat ma’ Esteban Ocon u tilef sekondi preżżjuzi biex spiċċa fit-tieni post. Din kienet…

Aktar