Futbol internazzjonali
Strateġiji sabiex il-plejers ma jkunux affettwati mit-telf t’għaraq waqt it-Tazza tad-Dinja fil-Qatar

Qed ikun ikkalkulat li plejer f’nofs il-grawnd jista’ jitlef sa tliet litri ilma waqt logħba mit-Tazza tad-Dinja li ser issir fil-Qatar is-sena d-dieħla. Ix-xjenza sportiva bħalissa għaddejja bla nifs biex issib strateġiji kif dan it-telf t’għaraq jista’ jiġi immitgat u l-plejers ma jkollhomx konsegwenzi ulterjuri.

Allavolja t-turnew ser jintlagħab f’Novembru u Diċembru, it-temperaturi fil-Qatar xorta ser ikunu qed ilaħħqu t-30°C u l-kundizzjonijiet mhux ser ikunu faċli għall-plejers, b’mod speċjali dawk ġejjin minn pajjiżi li huma kesħin.

L-inkwiet hu li jekk plejer jitlef ħafna għaraq, jista’ jitlef il-konċentrazzjoni u saħansitra jagħtih ħass ħażin fil-grawnd. Għaldaqstant, bħalissa qed isir studju fuq l-għaraq tal-plejers sabiex ikun identifikat x’l-aħjar jieħdu fil-waqfiet biex jixorbu, u dan sabiex isostnu ruħhom kemm jistgħu.

Barra dan, l-istadia fil-Qatar huma kollha mgħammra b’apparat sabiex matul il-logħba titajjar arja kiesħa li tnaqqas xi ftit it-temperatura li jkun hemm fil-grawnd. Din is-sistema kienet ippruvata fl-2017, fejn filwaqt li fuq barra t-temperatura kienet 38°C, ġo stadium kienet 22°C minħabba li ntużat din it-tekonoloġija.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA