Ċikliżmu
Tadej Pogacar jirbaħ is-17-il stadju tat-Tour de France u jżid id-distakk fil-quċċata tal-klassifika

Il-leader tal-klassifika Tadej Pogacar irnexxielu jikkontrolla lir-rivali tiegħu u jkabbar id-distakk fil-quċċata meta rebaħ is-17-il stadju tat-Tour de France matul il-ġurnata tal-Erbgħa. Dan kien l-itqal stadju tat-Tour, kollu fil-muntanji.

L-Isloven Pogacar irnexxielu jaqbeż lid-Daniż Jonas Vingegaard u l-Ekwadorjan Richard Carapaz fl-aħħar fażijiet, biex b’hekk rebaħ l-ewwel stadju tiegħu fil-muntanji f’dan it-Tour.

B’din ir-rebħa Tadej Pogacar kabbar il-vantaġġ tiegħu fil-quċċata tal-klassifika għal 5 minuti u 39 sekonda fuq Vingegaard, b’Carapaz jinsab it-tielet, erba’ sekondi wara d-Daniż. Il-Kolombjan Rigoberto Uran niżel fir-raba’ post tal-klassifika, b’aktar minn seba’ minuti ‘l bogħod minn Pogacar.

L-Isloven ta’ 22 sena jidher li ser jibqa’ jżomm il-flokk l-isfar sat-tmiem tat-Tour, sakemm ma jinqalgħlux xi ħaġa li ttellfu kollox.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA