Ċikliżmu
Tadej Pogacar jirbaħ it-Tour de France għat-tieni sena konsekuttiva u jsir l-iżgħar ċiklist li rnexxielu jilħaq dan it-tragward

L-Isloven Tadej Pagacar sar l-iżgħar ċiklist li rebaħ it-Tour de France għat-tieni sena konsekuttiva, b’ħafna kritiċi jfaħħru l-wirjiet tiegħu li jpoġġuh mal-aqwa ċiklisti ta’ kull żmien.

Pogacar għandu 22 sena u rebaħ it-Tour għall-ewwel darba s-sena li għaddiet fid-debutt tiegħu. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, l-Isloven xejjen l-isfida tal-avversarji tiegħu fit-tmien stadju, fejn minn hemmhekk ‘il quddiem baqa’ jżomm l-ewwel post fil-klassifika.

Tadej Pogacar temm it-Tour de France ħames minuti u 20 sekonda fuq it-tieni ċiklist, id-Daniż Jonas Vingegaard, bl-Ekwadorjan Richard Carapaz itemm fit-tielet post, seba’ minuti u tliet sekondi ‘l bogħod minn Pogacar.

Fil-21 u l-aħħar stadju tal-Ħadd, kien il-Belġjan Wout van Aert li ħareġ rebbieħ quddiem il-kompatrijott Jasper Philipsen u l-Brittaniku Mark Cavendish. Wout van Aert kien għadu kif rebaħ l-istadju tas-Sibt, it-time trial, filwaqt li matul din l-edizzjoni rebaħ ukoll stadju fuq il-muntanja Ventoux.

Pogacar min-naħa tiegħu, rebaħ żewġ stadji fil-muntanji Pirinej, kif ukoll stadju ta’ time trial. Huwa bata biss fit-tieni ġimgħa tat-Tour fuq il-muntanja Ventoux, u allura kompla joħroġ il-kwalitajiet kbar li għandu f’dan l-isport. L-Isloven libes ukoll il-flokk l-abjad għall-aqwa ċiklist taħt il-25 sena.

Il-flokk l-aħdar intlibes minn Mark Cavendish li f’dan it-Tour irnexxielu jirbaħ 34 stadju fil-karriera tiegħu fi Franza. F’dan it-tour biss huwa rnexxielu jirbaħ erba’ stadji, u kien il-Belġjan Van Aert li tellfu milli jirbaħ il-35 wieħed tal-karriera.

It-Tour ta’ din is-sena kien ukoll imtappan mill-allegazzjonijiet li ċ-ċiklisti tat-tim Bahrain Victorious kienu qed jużaw sustanzi llegali, bit-tfittxijiet tal-pulizija ta’ Marsilja jaslu fl-aħħar jiem tal-kompetizzjoni. It-tim Bahrain Victorious dejjem sostna li qed jikkopera mal-pulizija u f’din l-edizzjoni rebħu tliet stadji. Il-Belġjan Dylan Teuns rebaħ stadju, filwaqt li l-Isloven Matej Mohoric rebaħ żewġ stadji oħra.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA